Il-Gvern jiċħad l-akkużi tal-PN dwar l-uffiċjal tal-Enemalta

Il-Gvern jiċħad l-akkużi ta' George Pullicino li l-Ministru Konrad Mizzi u l-Kap tal-Accounts tal-Enemalta, Louis Attard kienu b'xi mod konnessi.

Il-Gvern ċaħad l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kien hemm xi konnessjonijiet bejn il-Kap tal-Accounts tal-Enemalta, Louis Attard u l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi. Liema Kap tal-Accounts jinsab taħt investigazzjoni dwar is-serq ta’ dawl li jammonta għal eluf ta’ Ewro.

F’konferenza stampa fil-kwartieri ġenerali tal-PN, Pullicino staqsa kif Attard ġie mressaq il-Qorti sempliċiment bħala konsumatur u mhux b’akkużi aktar gravi ġaladarba huwa għandu pożizzjoni pubblika. Jagħmel domandi wkoll dwar min kien responsabbli minn din id-deċiżjoni u jekk kienx hemm xi tip ta’ pressjoni biex isir dan. “Jaf il-Ministru li dan jista’ jkun każ ta’ korruzzjoni ‘on his watch’ minħabba li dan jirriżulta fi tnaqqis fis-sentenza tal-Qorti?” staqsa Pullicino.

Għal dan, il-Gvern ċaħad l-akkużi b’mod kategoriku u sostna li dan qed isir min-naħa tal-Oppożizzjoni biex tiddevja l-attenzjoni minn fuq il-każ  tal-kuntratt irregolari ta’ €35 miljun lejliet l-elezzjoni tal-2013 mill-istess George Pullicino li dak iż-żmien kien Ministru għar-Riżorsi.

Il-Gvern saħaq li għalkemm Pullicino qed jipprova juri li l-Ministru Mizzi u Louis Attard huma b’xi mod konnessi, l-Kap tal-Accounts tal-Enemalta, “qatt ma kellu konnessjoni ma’ Konrad Mizzi, qatt ma kien involut fil-kampanja elettorali tal-Ministru u lanqas biss joqgħod fid-distrett fejn joħroġ il-Ministru.”

F’dokument maħruġ mill-Gvern, jidher li Attard kien impjegat tal-Enemalta meta l-PN kien fil-Gvern fl-2005 u ngħata promotion ftit qabel l-elezzjoni tal-2013.

More in Politika