Il-Ministru tas-Saħħa u Enerġija flimkien ma' martu għamlu libell kriminali kontra l-opinjonista tal-gazzetta Malta Independent, Daphne Caruana Galizia wara artiklu tagħha fejn allegat li Konrad Mizzi kellu relazzjoni barra ż-żwieġ mal-kordinatriċi tal-komunikazzjoni, l-eks ġurnalista ta' ONE TV, Lindsey Gambin.
Fil-blogg ta' Daphne Caruana Galizia hemm li l-ġurnalista ta' ONE qed tara lil Konrad Mizzi u hi r-raġuni li martu telqet iċ-Ċina. L-artiklu jallega li ż-żwieġ ta' Mizzi tfarrak minħabba din ir-relazzjoni. Kitbet ukoll li r-relazzjoni kien sigriet miftuħ fost il-politiċi u li s-Sibt, il-ministru u Gambin dehru jitgħannqu intimament u jbusu lil xulxin il-Hilton.
Kien allegat ukoll li l-Ħamis bil-lejl, Konrad Mizzi u Gambin niżlu minn fuq ajruplan flimkien. Fl-applikazzjoni tiegħu, Konrad Mizzi u martu insistew li l-artiklu hu libelluż u defamanti u qal ukoll li l-artiklu mhux veru u hu intenzjonat biex iħammġu r-reputazzjoni tiegħu.
Mizzi qed jitlob kumpens ta' massimu ta' €11,650. L-Avukati Abigail Chritien u Aaron Mifsud Bonnici ffirmaw il-libell.
L-eks ġurnalista tal-ONE, Linsdey Gambin ukoll fetħet libell ċivili separat lil Caruana Galizia.