Min jiskonġra jrid ikun pur?

Sabiex titfa’ l-ewwel ġebla trid ma tkunx ħati, suppost. Imma hekk hu l-każ fil-politika lokali? Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jiġi kkritikat għax għalkemm jikkritika lill-Gvern, hu stess mhux pur. Imma biex tagħti l-kritika mhux bilfors tkun pur?

Staqsejna lil diversi opinjonisti x’jaħsbu dwar jekk l-Oppożizzjoni tinsabx f’pożizzjoni li tagħmel din il-kritika lill-Gvern. Dan wara li wħud mill-kritika li qed issir fil-konfront tal-Gvern mill-Oppożizzjoni hija dwar kwistjonijiet u żbalji li diġà saru minn amministrazzjoni preċedenti. Staqsejna wkoll dwar il-mod ta’ kif isiru l-attakki fix-xena politika min-naħa għall-oħra, jekk jemmnux li huma effettivi u għandhomx isiru b’dan il-mod. 

Fil-kummenti tagħhom, l-opinjonisti qablu li l-kritika hi bżonjuża filwaqt li semmew diversi temi li qed issir xi tip ta’ kritika fuqhom fosthom il-finanzjamenti tal-partiti u l-karigi fi ħdan il-Gvern.

CARMEL CACOPARDO 

Il-mod ta’ kif issir il-kritika minn partit tirrifletti fuq il-kredibbilità li għandu l-istess partit. Dan għax jekk il-partit qed jagħmel l-istess tip ta’ żbalji li kien jikkritika fuqhom qabel, mhux se jinstema’ kredibbli mal-poplu. 

Minħabba f’hekk, meta tgħaddi l-kritika trid tkun kostruttiv f’dak li tkun qed tgħid. Minkejja dan, preżentament, il-politiċi Maltin draw f’din is-sistema u l-mod ta’ kif issir il-kritika u kif tiġi ppreżentata, b’mod partiġġjan fejn il-kritika ssir b’attakki kontra attakki.

Tara dan fuq l-attakki preżenti fuq il-finanzjament tal-partiti fejn il-Partit Nazzjonalista wara li għamel 25 sena fil-Gvern, ma tax kasha u issa li jinsab fl-Oppożizzjoni, qed jitkellem favuriha. Bl-istess mod il-Partit Laburista wkoll biddel il-ħsieb fuq diversi kwistjonijiet dwar il-finanzjament tal-partiti mill-istat u għaldaqstant trid tieħu kollox “with a pinch of salt” fejn għandu x’jaqsam dak li jgħidu l-politiċi.

SIMONE CINI

Jekk bniedem li qed jikkritikak għandu raġun fil-kritika tiegħu ma tistax tgħidlu li ma jistax jikkritikak għax hu hekk għamel meta kellu l-poter. In-nies xebgħu minn din l-attitudni arroganti u wrew dan fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-Gvern preżenti għandu sfida kbira biex jara li ma jiżbaljax fejn żbalja ta’ qablu iżda dan ma jfissirx li ma jirranġax ingustizzji ma’ nies li minn dejjem ħaddnu twemmin Laburista u li ta’ dan qatt ma ngħataw il-promozzjonijiet jew karigi li ħaqqhom. 

Dwar in-nepotiżmu, nara li hi kritika vojta għall-aħħar għax f’dawn is-sentejn xbajt nisma’ b’nies li kienu minn dejjem Laburisti li baqgħu ma ħadux dak li ħaqqhom. Għalhekk ma nistax nifhem il-kritika ta’ Simon Busuttil f’dan ir-rigward. Dan li qed ngħid mhu xejn ġdid, għax huwa t-twettiq tal-wegħda ta’ Joseph Muscat meta stieden lil min irid jaħdem miegħu biex jagħmel dan. Però xi kultant li timxi bil-ġustizzja żżejjed tista’ tkun qed tagħmel inġustizzja oħra, din id-darba ma’ Laburisti li fil-passat twarrbu fuq raġuni ta’ kulur. Lill-Oppożizzjoni nistaqsiha tafx x’qed iħossu ċerti Laburisti meta jisimgħu li fuq nett ta’ ċerti ażjendi tal-Gvern qed jitpoġġew persuni li żgur qatt ma kienu magħrufa għat-tħaddin politiku Laburista tagħhom. 

Tissemma wkoll il-kritika li qed issir dwar it-traffiku. Huwa minnu li kulħadd jista’ jitkellem dwar il-frustrazzjoni li qed iħoss bit-traffiku esaġerat fil-pajjiż. Iżda meta nisma’ lill-Oppożizzjoni tikkritika dan, jaqbadni d-daħk qisu r-rush hours ivvintahom il-PL. Aħna ċ-ċittadini nieħdu gost aktar li kieku l-Oppożizzjoni u l-Gvern joqogħdu ras ma’ ras u jaħdmu għal soluzzjoni effettiva.

Kritika oħra tal-Oppożizzjoni li ma ddoqqlix hija dik dwar il-power station li kellha tibda taħdem bil-gass minflok bil-heavy fuel oil. Hawnhekk bħala ċittadina anke jien xtaqt li kieku l-Gvern żamm maż-żmien imwiegħed iżda ta’ lanqas nemmen li aħjar naqra tard milli l-ġustifikazzjoni għal HFO, kif konna nisimgħu qabel. Ċittadini onesti anke jekk Nazzjonalisti, jinkwetaw li l-Gvern ma laħħaqx maż-żmien li wiegħed iżda żgur ħadd ma jieħu gost b’tip ta’ kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni li qisha qed tieħu gost b’dan kollu meta finalment, is-saħħa m’għandhiex kulur politiku. Huwa tajjeb li jkollna Oppożizzjoni li tibda torbot il-proġetti tal-Gvern maż-żmien imwiegħed għax jien nistaqsi liema proġett tal-Gvern tlesta fiż-żmien f’dawn l-aħħar 20 sena?

Il-poplu Malti u min imexxih irid jimmatura fil-kritika tiegħu għax kulħadd jirbaħ meta min jikkritika jkun kostruttiv u min qed jirċievi l-kritika mhux biss jiġġustifika għemilu iżda jirrifletti fuq kif jużaha biex itejjeb il-ħidma tiegħu.

PEPPI AZZOPARDI 

Sal-lum il-Gvern għadu jgawdi minn eluf  ta’ nies li “għażlu Labour” u qed jiddefendu din l-għażla, mhux jiddefendu l-Labour imma l-għażla li għamlu huma. Kull ħaġa li ma togħġobhomx fil-Gvern, jippruvaw jiġġustifikawha, mhux biex jiġġustifikaw lil-Labour imma biex jiġġustifikaw li huma għażlu Labour.

Għalhekk, il-kritika tan-Nazzjonalisti, anke meta hija ġustifikata, ma tistax tkun effettiva għax in-nies li għażlu Labour iħossu li n-Nazzjonalisti mhux lil-Labour qed jikkritikaw iżda l-għażla li għamlu huma. U aktar ma jikkritikaw lil-Labour, aktar qed iħossuhom urtati għax kważi jħossuhom qed jikkritikaw lilhom. U anke kieku flok Simon Busuttil kien hemm xi ħadd ieħor, kien jiġri l-istess. 

Ovvja li din mhix sitwazzjoni perpetwa. Se jiġi żmien meta l-għażla ma tibqax daqshekk ċentrali li jiddefenduha. Dan jista’ jiġri aktar malajr jekk il-Labour jibqa’ jdoqq id-diska li “l-kritika tan-Nazzjonlisti mhix kredibbli għax huma għamlu agħar minn hekk.” Dan id-diskors jinsulenta lil dawk li għażlu Labour propju għax emmnu li mhux se jkunu bħan-Nazzjonalisti. U hawn il-Gvern ikun qed jinsulenta mhux lin-Nazzjonalisti iżda lil dawk li sa issa għadhom jiddefendu l-għażla li vvutaw Labour.

NORMAN VELLA 

L-ewwel darba li missieri qabadni npejjep sigarett, tani ċamata. Is-sigarett li qabadni bih kont ħadtu mill-pakkett tiegħu. Hu kien ipejjep ferm iktar minni. Ir-risposta tiegħi għall-paniġierku li għamilli kienet sentenza waħda, “biex tiskonġra trid tkun pur”. Meta ħafna snin wara rnexxieli nieqaf inpejjep, il-ħsara li għamilt lili nnifsi ma rranġatx mil-lum għal għada. Lanqas il-flus li nfaqt f’duħħan ma ġew lura.

Kien ikun ferm aħjar għalija kieku tajt każ tal-iskunġrar ta’ missieri minflok qgħadt ninħela niġġudika n-nuqqas ta’ purità tiegħu. U jekk għada pitgħada ibni jkun qed jagħmel l-istess żbalji li nagħmel jien, dmiri jkun li nagħmel miegħu kif għamel miegħi missieri. U jekk jagħmel agħar ikolli ninħanaq ftit iktar ta’ spiss. B’dan kollu ma rridx infisser li jien m’għandix nipprova nirranġa d-difetti tiegħi, anzi. Min irid il-ġid lilu nnifsu ma jillimitax ruħu biss għall-prietki. Kieku snin ilu missieri sema’ minn dak li kien qed jgħid lili u waqaf ipejjep kien ikun aħjar għalih ukoll.

Bl-istess mod, indipendentement minn dak li ġara fil-passat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha dmir u obbligu lejn il-poplu Malti li tiskrutinizza dak kollu li qed jagħmel il-Gvern u li tikkritikah.

Hija tassew ħasra li din il-kritika spiss titqies bħala attakk. Il-kritika għandha titwieġeb b’azzjonijiet pożittivi, bħal m’huma iktar trasparenza, iktar kontabbiltà, iktar onestà u iktar serjetà fit-tmexxija. Ħasra li r-reazzjoni tal-Gvern Laburista ħafna drabi tkun kontrattakk li l-poplu ma jieħu assolutament xejn minnu.

Iżda jagħmel x’jagħmel il-Gvern, l-Oppożizzjoni m’għandha qatt tonqos milli taqdi dmirha ta’ oppożizzjoni. Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista għandu jkompli jaħdem biex jibni alternattiva serja għall-Gvern li għandna llum.

More in Politika