Il-Partiti l-ġodda: għaliex din il-popolarità f’daqqa waħda?

Għaliex ir-riħ tal-bidla? Għaliex issa? Il-ġurnal ILLUM jagħti titwila minn lenti storika u soċjali lejn il-popolarità ġdida tal-partiti ż-żgħar f’Malta, billi titkellem mal-protagonisti u l-politiċi

Din is-sena, il-politika Maltija rat il-formazzjoni ta’ żewġ partiti ġodda, riżultat tal-elezzjoni Ewroparlamentari tal-2024, fejn il-votanti wrew li huma mxebbgħin mill-istatus quo tal-politika Maltija.  

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropej tas-sena l-oħra rat ammont konsiderevoli ta’ voti li marru għand kandidati indipendenti u partiti żgħar. Fost dawn il-kandidati u partiti, kien hemm Arnold Cassola bi 22,941 vot, u l-ADPD bi 3,109 voti. 

Fl-aħħar tas-sena l-oħra, il-midja Maltija kienet diġà qed tispekula t-twelid ta’ żewġ partiti ġodda; it-tnejn bit-tama li jkissru r-renju tal-PLPN fil-politika lokali. Cyrus Engerer, eks Laburist li beda mill-partit l-oppost, huwa l-wiċċ tal-Partit Malta Progressiva (jew Progressivi, fil-qasir), u Arnold Cassola sar il-mexxej tal-Partit Momentum. Madankollu, iż-żewġ partiti stqarru ma’ dan il-ġurnal li mhumiex ħa jkunu “partit żgħir kwalunkwe.” 

‘Il-mentalità u l-ideoloġija tal-mibegħda u tas-soluzzjonijiet faċli minn fuq dahar ħaddieħor diġà fostna’ – Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali tal-ADPD 

Is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD u Kunsillier ta’ Ħ’Attard Ralph Cassar. (Ritratt: Facebook)
Is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD u Kunsillier ta’ Ħ’Attard Ralph Cassar. (Ritratt: Facebook)

Meta mistoqsi rigward ix-xejra li qed jieħdu l-votanti fl-elezzjonijiet (kemm Ewropej, kif ukoll ġenerali) li aktar ma jmur aktar tara turn out inqas, huwa qal li kull vot għall-ADPD huwa riżultat tal-kuxjenza u tal-valuri ħodor tal-votant mhux sabiex jirribellaw b’intenzjonijiet ‘anti-politician’.  

Skont Cassar, wieħed għandu jirrispetta din id-deċiżjoni hekk kif hemm raġuni warajha, “issa jekk ir-raġuni hijiex waħda ideoloġika, egoistika jew kwalunke, storja oħra.”  

“It-turn-out tal-elezzjonijiet ġenerali huwa fost l-ogħla, pereżempju 85% fl-2022, avolja huwa perċentwal relattivament baxx għal Malta,” hu sostna mal-ILLUM. Cassar qal li hu impossibbli li politikant jappella għal dawk il-mitt elf ruħ li astjenew milli jivvutaw fl-elezzjoni Ewroparlamentari. Żied jgħid li hi perikoluża li ż-żewġ partiti kbar f’Malta jservu ta’ żewġ kampijiet politiċi li jridu jolqtu lill-istess nies.  

Jiftaħ fuq dan, u qal li dan l-argument jista’ jgħodd għal partiti żgħar oħra, imma wkoll għal “dawk li jpinġu lilhom infushom bħala ċentristi u ma jikkummentawx fuq suġġetti sensittivi.” Meta ġie mistoqsi fuq xi jbassar li se jiġri fl-elezzjoni li jmiss, it-tweġiba kienet waħda inċerta hekk kif jaħseb li għadu kmieni wisq. Madankollu huwa jaħseb li se jkun hemm turn-out t’iżjed minn 80%.  

Cassar qal li l-influwenza tal-lemin estrem fl-Ewropa hija dominanti fiż-żewġ partiti l-kbar. “Sa diskors ta’ ‘invażjonijiet’ immaġinarji minn Adrian Delia, u saħansitra wkoll Joseph Muscat. Tkeskis faċli u miskin għal wiċċ ċertu tip ta’ partitarji,” żied jgħid. 

Fl-aħħar, huwa jaqsam mal-gazzetta l-każ tal-ADPD fil-Qorti, li skont il-partit tal-Ħodor, juri kif il-kostituzzjoni tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem.  

Huwa spjega kif il-mekkaniżmu tal-proporzjonalità jgħodd biss għall-voti tal-PL u PN, l-istess jgħodd għall-kwota tal-ġeneru.  

“Aħna lesti u ppreparati nkomplu bl-azzjonijiet legali sal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu jekk hemm bżonn,” jagħlaq Cassar rigward il-kawża, li qiegħda fi stadju t’appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, bl-ewwel seduta sseħħ fl-10 ta’ Marzu. 

‘Il-poplu qed jagħraf li l-partiti l-kbar mhux iservu kif titlob il-pożizzjoni tagħhom’ – Natasha Azzopardi, Membru tal-Kumitat tal-Partit Momentum

Membru fil-Kumitat tal-Partit Momentum Natasha Azzopardi. (Ritratt: Momentum.)
Membru fil-Kumitat tal-Partit Momentum Natasha Azzopardi. (Ritratt: Momentum.)


Natasha Azzopardi, mill-Partit Momentum, qalet li l-poplu qed jinduna bid-diżonestà u bl-intenzjonijiet malizzjużi tal-partiti l-kbar. Dan, skontha, deher ċar fost il-votanti li ma vvutawx, jew li taw il-vot tagħhom lill-partiti ż-żgħar. 

Tkellmet fuq Fort Chambray, “fejn iż-żewġ partiti qablu li għandu jiġi żviluppat, b’wirt nazzjonali ġie mibjugħ” u l-liġi tal-inkjesti maġisterjali “sabiex il-liġi taqdi lilhom, akkost tad-drittijiet tagħna,” bħala eżempju għall-punt li jmiss.  

Fil-fatt hija qalet li l-partiti l-kbar mhux iservu kif titlob il-pożizzjoni tagħhom, u huwa dan li l-votanti qed jagħrfu. Azzopardi qalet li l-unika valur li jħaddnu l-partiti l-kbar huwa tal-flus. 

Mill-banda l-oħra, hi tgħid li l-valuri tal-Partit Momentum huma “fundamentali għal soċjetà ġusta, inklussiva u li tħares b’mod pożittiv lejn il-futur,” kif ukoll dawk t’etika u meritokrazija.  

Azzopardi qalet li għalkemm il-poplu kultant ikun wieħed pessimist, temmen li wasal iż-żmien tal-bidla speċjalment biż-żieda tal-attiviżmu fost il-Maltin. Hi tgħid li għalhekk qiegħed jinħass iżjed issa l-bżonn tal-preżenza ta’ partit ġdid, bħala alternattiva għal dawk li ma jridux jivvutaw PL jew PN.  

Mistoqsija dwar dak li qal il-kollega tagħha Mark Camilleri Gambin, mal-gazzetta ILLUM rigward 100,000 orfni politiku, u l-bżonn li jbiddlu l-poltika kif nafuha, hija qablet mal-ewwel. 

Qalet li l-Momentum qed jipprova jappella lil dawn il-votanti permezz tal-vision circles, li fi ftit kliem sempliċi, huma laqgħat regolari b’temi varjati fejn ir-riżultat tagħhom jibnu l-politika tal-partit.
 

‘Biex Malta ssir pajjiż fejn l-interess taċ-ċittadini jiġi qabel l-interessi ta’ ftit privileġġati, jeħtieġ bidla radikali fis-sistema’ – Cyrus Engerer 

L-Eks MPE Cyrus Engerer. (Ritratt: Facebook)
L-Eks MPE Cyrus Engerer. (Ritratt: Facebook)

L-attivist, u issa għal darb’oħra politikant iżda f’isem il-Partit Malta Progressiva (PMP) Cyrus Engerer, qal li hawn bżonn partit ġdid onest u integru. Dan għaliex sar iżjed imminenti hekk kif iż-żewġ partiti “qodma” għandhom stil ta’ politika differenti minn dik li jridu n-nies.  

Skontu, in-nies iridu jimxu ’l bogħod mill-politika tat-tgħajjir u mibegħda, speċjalment miż-żewġ partiti li allegatament huma ffinanzjati mill-istess interessi li jrid jitħallsu lura. Huwa għamel referenza għall-problemi li jaffaċċjaw in-nies li ma jaffordjawx jixtru propjetà, u l-kwistjoni ta’ Fort Chambray li ż-żewġ partiti taw il-barka tagħhom sabiex jinqered.  

Għalhekk hu jgħid li l-PMP ħa joffri politika ġusta u trasparenti, b’viżjoni għal politika ġdida li tipprijoritizza lin-nies b’rispett għas-sistema tad-demokrazija. 

Huwa qal mal-ILLUM li “qegħdin f’salib it-toroq” u li “llum għandna ċ-ċans nelevaw lil Malta għal-livell li jmiss.” Iddeskriva l-elezzjoni li jmiss bħala bidu ta’ triq ġdida għal Malta, u jekk il-PMP jiġi elett ħa jagħti l-parlament stil ta’ politika differenti.  

Huwa ammetta li l-ewwel elezzjoni mhux ħa tkun faċli, speċjalment jekk kif hu ċert li l-partiti l-qodma ħa jkunu qed jużaw il-politika tal-biża’, “biża’ mill-bidla elettorali.” Engerer fakkar kif fis-sajf li għadda, il-PMP nieda petizzjoni parlamentari fuq il-bidla elettorali li l-Parlament Malti għadu jinjora sal-lum. “Għandna socjetà li hija empatika u li tħoss l-uġigħ tal-vulnerabbli u tal-emarġinat.” 

Huwa spjega kif is-soċjetà Maltija dejjem irnexxielha tegħleb l-elementi tal-lemin estrem. Skontu, l-elementi tal-lemin estrem xorta waħda huma preżenti fil-partiti l-qodma li “jogħxew bil-populiżmu.”  

Engerer ħa spunt żgħir sabiex jgħid li s-sitwazzjoni tal-lemin estrem fl-Ewropa ġiet minħabba li l-UE taqbel fuq il-Lowest Common Denominator fuq temi importanti, u sabiex niġġieldu l-lemin estrem hemm bżonn UE li tista’ tiddeċiedi fuq temi importanti b’mod effiċjenti.  

Il-gazzetta staqsietu għaliex jaħseb li ħa jkollu suċċess mal-PMP wara s-suċċessi li kellu mal-PL u l-PN. Ir-risposta tiegħu kienet li s-suċċess huwa sforz ħidma kbira, imma huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-partit mhux mibni fuq individwu partikolari, imma bbażat fuq prinċipji li jaqdu lil Malta sabiex f’pajjiżna jkollna l-paċi u pjanifikazzjoni fit-tul. 

“Ħafna jaħsbu li l-politika hija biss elezzjonijiet u partiti.” – Noel Agius, Lettur, u attivist  

Turn-out iżgħar m’għandux għalfejn jiġi interpretat bħala xi ħaġa ħażina għax dan jista’ juri nuqqas ta’ partiġjaniżmu, jew jista’ juri wkoll li għal xi nies mhux importanti min qed imexxi l-gvern, Noel Agius qal mal-ILLUM. 

Dan l-argument isostnih bil-ħsieb li l-maġġoranza tan-nies jivvutaw għal xi xogħol ma’ partit jew kuntratt, mhux għax jemmnu fl-ideoloġija tat-tali partit.  

“Avolja qed jiżdied in-numru ta’ votanti għall-partiti ż-żgħar, xorta mhumiex qed itellgħu numru konsiderevoli minkejja li hemm is-sistema taħdem kontrihom,” jgħid Agius.  

“Iż-żewġ partiti saru kampijiet li jħaddnu nies b’kull tip t’ideoloġija,” hu żied jgħid, “hekk kif iż-żewġ partiti jadattaw skont l-ambjent soċjali attwali.”  

Dan f’kuntrast mal-partiti l-ġodda, li skontu, għandhom ideoloġija iżjed iffukata lejn ix-xellug jew il-lemin, għax m’għandhomx biżżejjed saħħa li jiġu influwenzati minn katina ta’ nies li jiġbdu għalihom.  

Hu ma kienx daqshekk pożittiv lejn l-elezzjoni li jmiss. Avolja huwa diffiċli li tobsor minn issa, jistqarr li hemm lok għall-partiti ż-żgħar sabiex jiġbru ammont ta’ voti, imma mhux biżżejjed. 

Jemmen li ħa jkun hemm turn-out iżgħar minħabba n-nies li jkunu ffrustrati għall-partit tagħhom, u dan ipattu għalih dawk li jivvutaw skont il-kuxjenza.  

Il-lettur qal li avolja m’hawnx preżenza kbira minn partiti terzi tal-lemin estrem, il-partiti l-kbar stess jintegraw elementi tal-lemin estrem fid-diskors tagħhom, pereżempju “x-xenati li jsiru meta jinqabdu immigranti illegali.”  

Agius temm fuq nota personali, fejn qal li ċerti problemi bħall-ambjent, femminiżmu, drittijiet ċivili, u l-faqar, huma problemi wisq importanti li għandhom jiġu diskussi minn kulħadd, mhux minn politikanti biss.  

Jirrakkonta kif kien attiv fi gruppi politiċi mhux tal-partiti. Jemmen li dawn it-tip ta’ gruppi għandhom ikunu involuti fid-diskussjoni ta’ dawn il-problemi, “imma hemm vjaġġ twil sakemm naslu s’hemmhekk għax ħafna jaħsbu li l-politika hija biss elezzjonijiet u partiti.” 

More in Politika