Ottimisti għall-futur

Gvern perfett m’aħniex

Wasalna lejn tmiem ta’ sena oħra, sena fejn matulha dan il-Gvern kompla jaħdem fuq il-pjan li sena u għaxar xhur ilu ppreżenta lill-Poplu Malti u Għawdxi. Pjan ta’ ħidma li ma ħallejnihx imdendel bħal karrotta ma’ wiċċ il-poplu u bdejna nimplimentawh fl-aħħar xhur tal-leġiżlatura. Programm elettorali li bdejna nwettqu sa mill-ewwel ġurnata li dan il-poplu tana l-fiduċja sabiex imexxu.


Gvern perfett m’aħniex, però żgur li matul dawn l-aħħar ġimgħat rajna Gvern li jerfa’ r-responsabbiltà, Gvern li għolla l-istandards tar-responsabbiltà politika f’ pajjiżna, Gvern li jimxi b’serjetà sabiex isaħħaħ il-fiducja tal-poplu fil-politikanti tiegħu. Mexxejna ’l quddiem agenda ta’ pozittività għaliex aħna nemmnu fil-poplu Malti u Għawdxi, nemmnu li bil-kapaċitajiet tagħna lkoll, kapaċi nwasslu lil pajjiżna sabiex ikun fost l-aqwa stati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.


L-aspetazzjonijiet tal-poplu ma kinux zgħar u xhieda ta’ dan, kienet il-maġġoranza kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li fdat il-Partit Laburista u l-moviment li bnejna madwarna sabiex immexxu ’l quddiem lil dan il-pajjiż. Huwa għalhekk li r-responsabbiltà li llum irridu nġorru hija waħda kbira, irridu verament naraw li nimplimentaw stil ta’ politika li taħseb f’kulħadd, miż-żgħir sal-kbir, mill-ħaddiem għal min iħaddem, mill-għani sal-batut.


Jannar, bidu ta’ era ġdida

Żgur li waħda mill-akbar sfidi li għandu quddiemu dan il-Gvern hija dik li jimplimenta u jdaħħal fis-seħħ sistema ta’ trasport pubbliku li tkun tixraq lil dan il-poplu. Ma nistgħux nibqgħu nibku li għandna problemi kbar tat-traffiku mingħajr ma ninvestu b’għaqal f’sistema ta’ trasport pubbliku li tkun fuq in-naħa taċ-ċittadin. Sistema li tinċentivak sabiex tużaha u mhux taqtalek qalbek u ma tħallilek l-ebda alternattiva għajr dik li tuża l-karozza privata tiegħek.


Kienet aħbar sabiħa ħafna dik li l-Qorti ċaħdet il-mandat ta’ inibizzjoni li tressaq mill-konsorzju Island Buses Malta biex il-Gvern ma jiffirmax il-kuntratt mal-kumpanija Spanjola Auto Buses de Leon. Aħbar li ġiet milqugħa wara ftit minuti mill-istqarrija tal-Ministru Joe Mizzi li sostna li dan il-Gvern ser jimplimenta l-wegħda tiegħu, dik li minn Jannar li ġej jibda jintroduċi sistema ta’ trasport pubbliku ġdid.


Sistema li fi kliem il-Ministru Mizzi se tiġi introdotta b’mod gradwali b’ implimentazzjoni ta’ rotot ġodda li se jidħlu fis-seħħ wara konsultazzjoni wiesgħa. Konsultazzjoni li ma swietx il-miljuni, kif kien sar taħt Gvern Nazzjonalista meta tqabbdu l-hekk imsejħa esperti li għamlu kaos sħiħ bl-introduzzjoni tar-rotot tal-Arriva. Konsultazzjoni li nbniet id f’id mal-Kunsilli Lokali, il-pubbliku u l-partijiet kollha interessati.


Bużżieqa oħra li nfaqgħet f’wiċċ il-Partit Nazzjonalista li għamel xalata sħiħa mill-fatt li kien tmexxa ’l quddiem dan il-mandat ta’ inbizzjoni kontra l-Gvern Malti. Però issa, dan il-poplu dara b’Opożizzjoni li togħxa fin-negattività, Oppożizzjoni li tasal biex tbigħ ruħha akkost li tirbaħ nofs punt politiku. L-aħbar li ħarget mill-Qorti din il-ġimgħa, kienet prova oħra ċara li dan il-Gvern miexi fit-triq it-tajba sabiex jagħti lill-Poplu Malti dak li hu tiegħu bi dritt: sistema ta’ trasport pubbliku li tixraqlu u li tagħtih dinjità.


IMF, Ċertifikat pożittiv ieħor

Il-bozoz ħomor jidher li qed jgħammxu biss lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil hekk kif din il-ġimgħa, l-International Monitory Fund tat ċertifikat pożittiv ieħor lil dan il-Gvern. Ċertifikat ieħor li jkompli jsaħħaħ il-kredenzjali ekonomiċi ta’ pajjiżna. Ċertifikat ieħor li wasal ukoll permezz tal-istabbilità politika u s-serħan il-moħħ li gvern ġdid ġab miegħu.


Inkwetanti biss il-fatt li jidher biċ-ċar li għalkemm kulħadd qed jgħid li pajjiżna qabad direzzjoni ekonomika tajba, hija biss l-Oppożizzjoni li baqgħet tilbes l-għamad tan-negattività u l-unika mod li sabet biex tiġġustifika dan is-suċċess kienet billi qalet li kien mertu tal-Gvern Nazzjonalista li nkiseb dan ir-riżultat pożittiv. Politika fqira min-naħa tal-Oppożizzjoni li hija wkoll turija ċara ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma fehem xejn mit-tagħlima li ried itih il-poplu fl-aħħar elezzjoni ġenerali!


Dan ma jfissirx li wasalna. Issa jmiss li nieħdu deċiżjonijiet importanti u kuraġġuzi sabiex inkomplu nikkonsolidaw it-triq tajba li qbadna. Huwa għalhekk li dan il-Gvern ser ikompli jaħdem sabiex jagħmel lil pajjiżna ferm aktar kompettitiv billi jinvesti u jilħaq ftehim ma’ ġganti oħra ekonomiċi fosthom billi verament jagħmel minn pajjiżna ‘hub’ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea. Smajna din il-ġimgħa wkoll, Prim Ministru li ma kkuntentax ruħu biss bil-ftehim storiku li laħaq maċ-Ċina fil-qasam tal-Enerġija iżda beda wkoll taħdidiet sabiex iressaq kumpaniji oħra lejn pajjiżna mill-Ażerbajġan, fosthom il-kumpanija multi-miljunarja Sokar li llum, bosta pajjiżi Ewropej qed jaraw kif se jsiru sħab strateġiċi magħha fil-qasam tal-enerġija.


Malta bl-għola żieda fil-pagi

Il-vija ekonomika pożittiva li qabad pajjiżna mhux tinħass biss mill-esperti ekonomiċi, iżda wkoll mill-poplu. Konferma ta’ dan, din il-ġimgħa rajna l-Eurostat li kkonfermat li pajjiżna ra l-ogħla żieda fil-pagi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Matul it-tieni kwart tal-2014, il-paga medja fl-Unjoni Ewropea żdiedet b’ 1.4% kontra l-2.1% f’ Malta.


Dan kollu kompla jħalli aktar flus fil-bwiet tal-Maltin u Għawdxin u fl-istess ħin, kompla jgħin sabiex tkompli ddur ir-rota ekonomika hekk kif il-‘purchasing power’ tal-poplu żdiedet u għalhekk maż-żieda fil-pagi, marru tajjeb ukoll il-ħwienet u l-industrija f’pajjiżna.


Awguri

Hekk kif din ser tkun l-aħħar opinjoni tiegħi li se tidher f’dan il-ġurnal għal din is-sena, nixtieq minn qalbi nieħu l-okkażjoni sabiex nawgura lill-qarrejja kollha Milied u Sena mill-aqwa. Nappellalkom ukoll sabiex il-ġimgħa d-diehla nkomplu nsaħħu wieħed mill-aqwa valuri tagħna l-Maltin, dak tas-solidarjetà. Huwa għalhekk li nhar is-Sibt li ġej għandna ningħaqdu lkoll flimkien mal-President tagħna fl-Istrina. Ejjew inkomplu ngħinu lil min għaddej minn żminijiet diffiċli. Awguri u saħħiet dejjem.


Alex Saliba huwa l-President tal-FZL

More in Politika