Se jibda xogħol fuq ir-restawr tal-funtana tat-Tritoni

Ħidma bejn Transport Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura

Il-Funtana tat-Tritoni
Il-Funtana tat-Tritoni

Fix-xhur li ġejjin, mistenni jibda xogħol ta’ pavimentar ta’ Triq Mikiel Anton Vassalli, Triq it-Teżorerija u Strada Stretta, fil-Belt Valletta, bħala parti mill-proġetti ta’ riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, fejn tlesta xogħol ta’ pavimentar wara li fis-snin li għaddew, kienu saru ħsarat kbar u din it-triq kienet f’kundizzjoni ħażina ħafna.
 
Ix-xogħol sar bi preparazzjoni għal meta, il-bejjiegħa tal-monti jiċċaqilqu f’din it-triq, hekk kif il-proġett għad-daħla tal-Belt Valletta, inkluż il-Parlament, ikun lest.

Il-Ministru Mizzi spjega li l-ispejjeż relatati max-xogħol ta’ pavimentar ta’ Triq l-Ordinanza ammontaw għal madwar 350,000 ewro f’xogħol ta’ materjal u labour, tibdil ta’ mains tal-Water Services u tqegħid ta’ cables tal-Enemalta, fost oħrajn. Il-pavimentar sar b’taħlita ta’ ġebla naturali tal-lava u hardstone, f’ħidma bejn Transport Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
 
Mizzi semma wkoll li kif tħabbar fil-Baġit, mis-sena d-dieħla se jibda xogħol fuq ir-restawr tal-funtana tat-Tritoni, il-funtana ta’ Wignacourt fi Ġnien San Filippu u t-torri ta’ Wignacourt ħdejn il-Knisja ta’ Sarrija.
 
Fi tmiem il-konferenza stampa il-Ministru inawgura plakka maħduma fil-bronż li saret bħala parti mid-disinn tal-pavimentar stess li turi werqa taż-żebbuġ li tgħaddi mill-fortifikazzjonijiet, u li tissimbolizza il-paċi wara l-gwerra, bil-kitba: Kont Maħluq Għall-Ġlied (1566) Issa Ngawdi s-Sliem (2014).

More in Politika