Tliet ġimgħat biss qabel l-aħħar elezzjoni approva ħlas b’lura għal xogħol li kien sar fis-sena u nofs ta’ qabel. Dan kien żvelat fl-aħħar rapport annwali tal-Awditur Ġenerali.
Il-ħlas in kwistjoni ngħata lil wieħed mill-membri tal-bord tad-diretturi ta’ dak iż-żmien tal-Kunsill Malti għall-iSport. Mir-rapport tal-Awditur jirriżulta li din il-persuna bejn Settembru 2011 u Frar 2013 kienet qed tagħmel xogħol ta’ aġent maniġer tal-kumpless sportiv f’Tal-Qroqq. Huwa mifhum iżda li matul dan il-perjodu din il-persuna ma ħadet ebda ħlas.
L-affarijiet iżda ħadu żvolta lejliet l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fil-fatt fit-18 ta’ Frar tal-2013, tliet ġimgħat biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, l-eks Segretarju Parlamentari Clyde Puli li kien responsabbli mill-isports, permezz ta’ ittra ffirmata minnu personalment, approva ħlas b’lura għal xogħol li kien sar fis-sena u nofs ta’ qabel minn dan il-membru tal-bord tad-diretturi tal-Kunsill Malti għall-iSport. Eventwalment il-ħlas, li kien jammonta għal €18,000, sar erbat ijiem biss qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, fl-4 ta’ Marzu 2013.
Fil-ġimgħat li għaddew kien sar magħruf kif fil-jum ta’ qabel l-aħħar ġenerali, fit-8 ta’ Marzu 2013, numru ta’ persuni li kienu fis-Segretarjati Privati tal-Prim Ministru u ta’ Ministri Nazzjonalisti, spiċċaw fil-Kunsill Malti għall-iSports. Tlieta kienu jaħdmu saħansitra fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fejn Clyde Puli kien Segretarju Parlamentari, responsabbli fost oħrajn mill-istess Kunsill Malti għall-Isport.