Ir-riżoluzzjoni tal-aħħar tas-sena: daħka bik innifsek

Ir-riżoluzzjoni tagħna għandha tkun li wieħed jibda jieħu gost bil-ġid ta’ ħaddieħor

Ir-riżoluzzjoni tas-sena l-ġdida hi tradizzjoni li għandha l-oriġini tagħha reliġjużi meta n-nies tal-Babilonja kienu jwiegħdu lill-allat tagħhom fil-bidu ta’ kull sena li se jirritornaw dak kollu li jkunu ssellfu s-sena ta’ qabel u jħallsu d-djun li kellhom. Ir-Rumani kienu jwiegħdu lill-alla Janus li se jgħixu ħajja aħjar. Bħalma kienu jagħmlu l-Kavallieri fi żmien il-Medju Evu li jwiegħdu li jkunu aktar tajbin.

Waqt żmien il-festi li għadhom kif intemmu, meta  kulħadd ikun mitluf fl-ispirtu natalizju (u dak alkoħoliku) kulħadd jagħmel l-eżami tal-kuxjenza u jiddispjaċih għall-iżbalji li wettaq matul is-sena li tkun intemmet u jibdew ir-riżoluzzjonijiet ta’ ħajja mimlija mħabba lejn għajrna, karità lejn kull proxxmu li ma tibdiex u tispiċċa mal-Istrina u lanqas mal-kulur tal-ġilda u altruwiżmu bla ma biss naħsbu fina nfusna. B’hekk ir-riżoluzzjoni tagħna għandha tkun li wieħed jibda jieħu gost bil-ġid ta’ ħaddieħor.

Dawk li bi skuża tal-festini u l-inviti ffangaw kemm felħu jagħmlu riżoluzzjoni li se jibdew id-dieta u wara jumejn mad-dieta jerġgħu jdaħħlu l-għaġin, il-ħelu u xi tazza birra u forsi jispiċċaw b’xi żewġ kilos aktar. Hawn min jagħmel riżoluzzjoni li se jaqta’ s-sigaretti u jispiċċa jpejjep dawk elettroniċi li jagħmlulu ħsara aktar. Inkella li jibdew jidħku iżjed u jispiċċaw b’dawk ta’ madwarhom jibdew jaħsbuhom li bliehu. Hemm min jagħmel riżoluzzjoni li jgawdi iżjed lill-familja bi sħabu jgħajruh imsawwat. Hemm min jagħmel riżoluzzjoni li jibda jfaddal u jispiċċa bi sħabu tax-xogħol jgħajruh qammiel. Hemm min jagħmel riżoluzzjoni li jsib impjieg aħjar u jekk ma jirnexxilux jiżvoga fil-gvern li mhux vera Tagħna Lkoll. Hemm min jiddeċiedi jmur jara partita futbol u jieħu gost jekk it-tim tiegħu jitlef billi japplawdi lill-oħrajn.

Jibqa’ fatt li dawn ir-riżoluzzjonijiet m’huma xejn ħlief daħk fil-wiċċ. Inkunu qed nidħku bina nfusna u min jagħmel riżoluzzjoni f’isimna jkun qed jidħak bina u xejn iżjed. Issa billi l-gvernijiet iwegħduna l-paċi llum u nibdew gwerer f’isem il-paċi għada? Billi l-politiċi jagħmlu riżoluzzjoni li dis-sena se jaħdmu aktar id f’id b’solidarjetà ma’ xulxin u għada kif jiftaħ il-paralment jibdew bit-tgħajjir, akkużi ta’ korruzzjoni u insulti bl-addoċċ lejn xulxin? Issa billi jwegħduna li se jisimgħuna aktar u għada tmur tkellimhom u ssib il-bibien magħluqin li jinfetħu biss lejlet xi elezzjoni? Issa billi l-parlamentari jwegħduna onestà llum meta bwiethom imlewhom ilbieraħ u lesti biex kif ikollhom ċans iħejtu but ieħor ħa jimlewh ukoll.

Min jemmen fir-riżoluzzjonijiet li s-sena l-ġdida se tkun aħjar u differenti minn dik li għaddiet ikun qed jgħix f’Disneyland. Il-poplu se jibqa’ jħallas it-taxxi, il-poplu se jibqa’ jgerger għax ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, il-poplu se jibqa’ jgerger li ma nqediex u l-gvernijiet se jibqgħu jwegħduna l-paċi, l-ugwaljanza, l-onestà u l-ġustizzja.

Iżda tibżgħux 11-il xahar u nofs ieħor dawn ir-riżoluzzjonijiet se terġgħu taqrawhom u tisimgħuhom. Dejjem l-istess. Mhux ta’ b’xejn li studju li sar minn Richard Wiseman fl-Università ta’ Bristol sab li 88% li jagħmlu r-riżoluzzjonijiet fl-aħħar tas-sena jfallu.

Nisperaw biss li l-politiċi tagħna dis-sena jkunu dawk it-12% li jżommu mar-riżoluzzjonijiet tagħhom. Ir-riżoluzzjoni tagħna bħala gazzetta se tkun li nieħdu ħsieb li naraw li kulħadd iżomm kelmtu. Nispera li anke aħna nkunu fost dawk it-12%. Għalkemm il-parir tagħna hu li jekk trid ittejjeb ħajtek u l-mod kif tgħixha ibdilha meta tinduna li qed timxi ħażin u mhux tistenna l-ispirtu tal-festi tal-Milied.

More in Politika