
Sena ta’ tisħiħ
Fis-sena 2015, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun iffukat solament fuq l-infiltrazzjoni qalb il-votanti
minn Alan Abela-Wadge

Minn sena ta’ tibdil, għal sena ta’ tisħiħ. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iħares lejn is-sena 2015 bħala dik is-sena ta’ konsolidazzjoni tax-xogħol siewi li sar min wara l-elezzjoni tal-2013 lil hawn.
Fl-2014 rajna diversi tibdil fil-Partit Nazzjonalista, tibdil li jista’ jissejjaħ bħala tibdil li bħalu ftit rajna fil-politika lokali. Il-Partit Nazzjonalista iddibatta bis-sħiħ biex l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza tkun waħda aħjar minn dik kolla mistoqsijiet li ħareġ biha l-Partit Laburista, u oħroġ il-għaġeb, il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja. Apparti minn hekk il-Partit Nazzjonalista oppona bis-sħiħ it-tħassir tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista minn dejjem emmen fid-demokrazija u minn dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali għall-kuntrarju ta’ dak li jemmen u jħaddan il-Partit Laburista. Wara kampanja konvinċenti tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern irrealizza li l- Partit Nazzjonalista reġa’ kien fuq in-naħa t-tajba tal-Istorja.
Rajna Partit Nazzjonalista li sa minn tliet snin qabel ħabbar tim ta’ kandidati ġodda għall-elezzjoni Ġenerali tal-2018. Din hija mossa żgur mingħajr preċedenti. B’din id-deċiżjoni Simon Busuttil wera li huwa bniedem ferm kuraġġuż li sa min issa diġà qiegħed jgħaqqad it-tim tiegħu biex jagħti lil Malta għażla differenti minn dak li għandu mmexxija bħalissa. Jien inħossni kburi onorat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħass li jien għandi nkun parti mit-tim tiegħu. Dan it-tim fih tlettax-il kaniddat ġdid, li kollha ġejjin minn setturi ta’ edukazzjoni differenti fejn ċert li kull wiħed u waħda minna f’dan it-tim se nkunu nappellaw għal settur differenti fis-soċjetà tagħna. Fl-2014 rajna wkoll diversi tibdil differenti, bħal dak ta’ appuntar ta’ Kap Eżekuttiv tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, ta’ organizzazzjoni ta’ Konvenzjoni Ġenerali għall-ewwel darba, ta’ konferma li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jospita l-Kovenzjoni Ġenerali Straordinarja tal-Partit Popolari Ewropew ġewwa pajjiżna, ta’ twaqqif ta’ 10 Policy Foras ġodda li se jgħinu lil Partit Nazzjonalista jfassal il-politika tiegħu b’mod iktar miftuħ. Dawn huma biss ftit mill-ħafna tibdil li rajna fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar 12 il-xahar.
Inħarsu ’l quddiem, is-sena 2015 għandha tkun sena ta’ tisħiħ. Fis-sena 2015, il-Partit Nazzjonalista għandu jkun iffukat solament fuq l-infiltrazzjoni qalb il-votanti. Infiltrazzjoni b’onestà, b’integrità u fuq kollox b’tixrid ta’ verità b’politika moderna. B’hekk il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jibda jaħsad iż-żerriegħa li huwa żera’ fl-aħħar xhur. Apparti minn hekk huwa importanti li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jkun Oppożizzjoni pożittiva fejn tkun ta skrutinju kontinwu tal-Gvern. L-2015 għandha tkun sena fejn il-Gvern Laburista suppost għandu jibda jlesti il-proġetti kollha li sa issa ġew imdewma, imġedda jew posponuti. Suppost kellu jkollna Power Station lesta sal-11 ta’ Marzu 2015, suppost kellu jkollna parlament lest sa Ottubru li għadda però dawn kollha ġew posponuti għal raġuni jew oħra.
12-il xahar ieħor jafu naqraw dan l-artiklu u ngħidu, li kelli nibla’ kliemi, però forsi qiegħed nkun prużuntuż jekk ngħid li jiena nemmen li l-Power Station tal-Gas mhux se naraw xogħol sostanzjali minnha mibdi fl-2015 li jagħtina kuraġġ li se tkun kompluta sa Ġunju tal-2016. Nemmen ukoll li l-parlament il-ġdid mhux se jkun lest sa qabel is-sajf tal-2015. U nemmen ukoll li x-xogħol fuq Triq il-Kosta mhux se jkun lest sas-sajf 2015. Wara kollox milli rajna sa issa, ħlief posponimenti, skużi, tlaqliq u tibdil ta’ dati ma rajniex, allura wieħed ma jistax ikun ottimist meta jisma’ ċertu dati li jkun poġġa xi ministru Laburist.
Fis-sena 2014 rajna tibdil, tkeċċijiet, promozzjonijiet jew riżenji ta’ xejn inqas minn ħames Ministri ta’ dak is-suppost l-aqwa Kabinett. Tgħid il-bidu ta’ sena ġdida tawgura tajjeb għall-kabinett ta’ Muscat? Jew se nkomplu naraw lill-Prim Ministru jilgħab musical chairs bil-membri parlamentari tiegħu? Is-sena 2014 kienet sena ta’ skandli għal Muscat. Kienet sena li fiha kellu wkoll jbaxxi rasu għal dak li kien qallu l-Partit Nazzjonalista tliet ġimgħat qabel u jkeċċi lil Manuel Mallia. Tgħid is-sena 2015 tkun sena fejn sa fl-aħħar Muscat jibda jisma’ mill-ewwel minn dak li jkun qiegħed jiftaħlu għajnejh dwaru l-Partit Nazzjonalista?
Inħarsu b’ottimiżmu lejn is-sena 2015 u nitolbu li ma jkunx hemm iktar skandli mill-Gvern fejn iġegħluna nħammru wiċċna, però xi ħaġa ġewwa fiha tgħidli li matul it-12-il xahar li ġejjin se nkunu qegħdin naraw diversi okkażjonijiet fejn ilkoll jkollna niftakru fi kliem Lawrence Gonzi fejn kien wissina li taħt il-Labour issir tistħi li inti Malti. Wara kollox, kif dejjem jgħidilna Freddie Portelli “Il-kbir għadu ġej!”
L-importanti hu li s-sena 2015 tkun sena fejn il-Gvern attwali jgħolli l-istandards tiegħu, jgħolli l-istandards tax-xogħol li qegħdin jagħmlu wħud mill-uċuħ li rajna fuq il-billboards qabel l-elezzjoni ġenerali. Jgħolli l-istandards ta x’wieħed jistenna mill-gvern tiegħu. Jgħolli l-istandards tal-fibra morali li biha jmexxu l-pajjiż.
Madanakollu, għalkemm il-qawl politiku antik jgħidlek li l-oppożizzjoni ma tirbaħx elezzjoni imma l-gvern jitlifha, jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista għandu biżżejjed kwalità fih li irrelevanti tal-iżbalji, tal-iskandli, tan-nepotiżmu sfrenat u tad-deċiżjonijiet perversi tal-Gvern Laburista; il-Partit Nazzjonalista għandu biżżejjed kwalità fih li jerġa’ jikseb il-fiduċja ta’ dawk l-eluf li ddeċidew li jafdaw fil-Partit Laburista fl-2013. Il-Partit Nazzjonalista jinsab lest u preparat biex fl-2015 jerġa’ jibda jsir, bil-mod il-mod, id-dar naturali tal-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista għandu l-kwalitajiet kollha biex ikun il-bidla vera li xtaq il-poplu Malti fl-2013, dik il-bidla li ġġib magħha nifs ġdid ta’ kif issir il-politika u ta’ kontabilità kontinwa.
Min hawn nixtieq nieħu din l-opportunità biex nawgura lil kullħadd sena mimlija saħħa, mimlija hena, prosperità u mħabba.
Alan Abela-Wadge huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali