Il-gvern franka kważi €4 miljun minn każi ta' frodi fil-benefiċċji

887 każ ta' frodi twaqqaf mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta' Frodi mill-Benefiċċji
 

Il-Ministru Michael Farrugia
Il-Ministru Michael Farrugia

Il-gvern irnexxielu jiffranka €3,832,000 is-sena l-oħra wara li 887 każ ta' frodi fuq benefiċċji kienu mwaqqfa mid-Dipartiment tal-Benefiċċji għall-Investigazzjoni tal-Frodi. Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li l-2014 kienet sena rekord f'dan l-aspett.

Ir-rekord ta' qabel kien fl-2010 meta ġew frankati €3,716,295.

Is-sena l-oħra d-dipartiment investiga 1,391 każ fejn kien issuspettat frodi. Minn dawk il-każijiet, 430 ma nstabux li kienu qed jiksru xi proviżjonijiet. Kien hemm numru sostanzjali ta' każijiet li kienu qed jiġu proċessati mid-dipartiment tas-solidarjetà soċjali.

Farrugia preżenta din l-informazzjoni waqt konferenza stampa iktar kmieni dalgħodu. Farrugia qal li d-dipartiment kien imfaħħar għall-ħidmietu f'rapport ippubblikat mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali f'Jannar.

"Id-Dipartiment kompla jaħdem bla heda sabiex isaħħaħ il-koordinazzjoni fil-ġbir ta' informazzjoni, li hi essenzjali biex tidentifika nies li qed jabbużaw mis-sistema ta' benefiċċji soċjali," qal Farrugia.

Farrugia qal li skont il-baġit tal-2015, dawk li kienu qed jirċievu benefiċċji u mhux intitolati għalihom, għandhom sal-aħħar ta' Frar biex jitkellmu mad-Dipartiment minn jeddhom u jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom.

Multa ta' 15% tal-ammont totali tkun applikata. Dawk li jagħżlu li ma jitkellmux ikollhom iħallsu l-flus kollha lura apparti multi oħra miżjuda. Il-flus li ġew frankati minn dawn l-abbużi eventwalment se jmorru biex jagħtu flus lil dawk il-persuni li ġenwinament għandhom bżonn ta' benefiċċji soċjali u li applikaw għalihom.

More in Politika