Aktar minn 2,500 persuna joġġezzjonaw għar-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa

Aktar minn 2,500 persuna għamlu użu mill-formola online tal-Moviment Graffitti biex jibagħtu oġġezzjonijiet tagħhom kontra r-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa

Aktar minn 2,500 persuna għamlu użu mill-formola online tal-Moviment Graffitti biex jibagħtu oġġezzjonijiet tagħhom kontra r-reviżjoni tal-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa.

Fi stqarrija maħruġa it-Tnejn filgħodu, l-NGO qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) "kellha mewġa ta’oġġezzjonijiet", għal dak li l-NGO ddeskriviet bħala “proċess ta’ konsultazzjoni falz” biex jiġi emendat il-Pjan Lokali għaż-żona. 

“It-tibdil fil-Pjan Lokali ta’ Villa Rosa jidher ċar li beda fuq ordni tal-iżviluppatur magħruf bħala Tal-Franċiż,” saħaq il-Moviment Graffitti. “Ir-reviżjoni tal-Pjan Lokali bdiet wara laqgħa bejn l-iżviluppatur u l-Kabinett, tkopri eżattament l-istess żona tal-applikazzjoni għall-iżvilupp li tressqet sentejn ilu, u l-għanijiet iddikjarati jaqblu ma’ tibdil fil-parametri tal-iżvilupp sabiex dak li bħalissa hu projbit, isir permess.”

Nuqqas ta’ Trasparenza

L-NGO rrimarkat li l-proċess qed isir mingħajr trasparenza. Huma staqsew għaliex ikun hemm bżonn reviżjoni, meta diġà teżisti politika speċifika għal Villa Rosa.

Moviment Graffitti saħqet ukoll li m’għandhomx jingħataw trattament preferenzjali lukandi għoljin jekk il-pożizzjoni tagħhom tagħmel ħsara lill-ambjent residenzjali, lix-xenarju jew lill-ambjenti sensittivi. Barra minn hekk, saħqu li ma hemm l-ebda studju ppubblikat li juri nuqqas ta’ turisti f’Malta, jew li biss bini għoli jista’ jlaħħaq mat-talbiet għal akkomodazzjoni turistika.

“Huwa evidenti li l-uniku għan ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa li jippermetti l-kostruzzjoni ta’ proġett enormi mressaq fl-applikazzjoni PA/07254/22,” qalet l-oġġezzjoni.

Ix-xahar li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar nediet konsultazzjoni pubblika biex tbiddel il-Pjan Lokali li jirregola ż-żona ta’ Villa Rosa f’San Ġiljan.

Skont l-Awtorità, l-għanijiet tar-reviżjoni huma li jiġu rikonfigurati l-konfini tas-sub-żoni fiż-żona ta’ Villa Rosa u jiġi stabbilit l-għoli permess għall-bini f’kull sub-żona.

Fi stqarrija tagħha, l-Awtorità qalet ukoll li l-ammont minimu ta’ spazju pubbliku miftuħ għandu jiżdied meta mqabbel ma’ dak previst bħalissa fil-Pjan Lokali, filwaqt li jiġu definiti ż-żoni fejn jistgħu jitħallew lukandi ta’ kwalità ogħla.

Politika oħra tippermetti lill-lukandi kollha fiż-żoni ta’ żvilupp iżidu żewġ sulari ġodda ’l fuq minn dak permess fil-Pjan Lokali tal-lokalità rispettiva tagħhom.

More in Politika