Minflok ma jindirizzaw il-babaw tal-barranin, il-politiċi Maltin qed ikomplu jkantaw il-kanzunetta ta’ xi wħud fil-pubbliku dwar il-barranin, bil-konsegwenza li ħafna negozji qed jgħidu li mingħajr il-barranin kollox jikkrolla.
Intant, ħafna assoċjazzjonijiet ta’ min jirrappreżenta negozji mmexxija minn kapijiet eżekuttivi li qatt ma mexxew negozji personalment, qed jirrepetu l-kantaliena li l-popolazzjoni trid tiġi mrażżna minkejja l-fatt li ħafna mill-membri tagħhom jiddependu fuq il-ħaddiema barranin biex imexxu l-azjendi tagħhom.
Intant kien Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li xejjer il-bandiera tal-popolazzjoni kbira, diskors tradizzjonali tal-partiti tal-lemin. Argument li kien bdieh Adrian Delia, il-kap ta’ qabel Grech. Huwa minnu li mis-sondaġġi jidher li t-tħassib ewlieni tal-pubbliku hija l-preżenza tal-barranin f’Malta. Imma ħadd ma jinnega li dawn jagħmlu xogħol li għalih m’hemmx Maltin.
Dan it-tħassib u l-fatt li l-Labour ma kienx sejjer tajjeb, la fis-sondaġġi u lanqas fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali, wassal biex il-Gvern ta’ Robert Abela jara wkoll kif jista’ jindirizza din il-problema.
Iżda minkejja kollox, huwa ċarissimu li mingħajr barranin l-ekonomija Maltija u s-servizzi jikkrollaw għalkollox.
U minflok ma jagħżel li jiġġieled din il-perċezzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela ħa jara x’jagħmel biex juri li l-Gvern qed jara kif se jindirizza din il-problema.
Minkejja l-fatt li l-fatti juru bl-iktar b’mod assolut li Malta hija dipendenti kompletament fuq il-barranin. U mhux veru li l-barranin qed jieħdu xogħol il-Maltin, kif kien qal Bernard Grech fuq il-programm televiżiv Xtra mingħajr ebda bażi ta’ fatti.
Intant, f’intervista ma’ dan il-ġurnal, il-President tal-ACE Michelle Muscat, li tirrapreżenta s-sidien tar-ristoranti Maltin u Għawdxin, qalet li min qed jargumenta li rridu nkeċċu lill-barranin ma jafx x’inhu jgħid u ‘mhix soluzzjoni’.