Metsola ttenni dak li qal Busuttil dwar l-aċċessibbiltà u t-trasparenza

Metsola faħħret l-Ombudsman f'pajjiżna u qalet li hu eżempju tajjeb

Roberta Metsola llum enfasizzat li żieda fit-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-UE u fil-Gvernijiet hija l-aqwa ħaġa li tista' issir biex jitnaqqas id-distakk bejn iċ-ċittadini u l-leġiżlaturi. Qalet li għadda ż-żmien fejn il-kapijiet ikunu maqtugħin mill-poplu, in-nies iridu t-trasparenza."
 
L-MEP Nazzjonalista Metsola tenniet is-sejħa li għamel Simon Busuttil ġewwa Malta billi qalet li l-istituzzjonijiet iridu jsiru aktar miftuħa u aktar faċli biex wieħed jużahom. "Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet iridu jafdaw iċ-ċittadini tagħhom aktar jekk qed jistennew l-istess tip ta' fiduċja min-naħa tagħhom, u hemm bżonn li jkollna mekkaniżmi b'saħħithom li jippermettu lin-nies biex isibu rimedju għall-kwistjonijiet tagħhom. Għandna bżonn nirrealizzaw li ż-żmien ta' kapijiet mistoħbija fis-segretezza ilu li għadda. In-nies jistennew aktar minn hekk, u hekk għandu jkun," ikkummentat Metsola.
 
Hija u titkellem waqt dibattitu mal-Ombudsman tal-UE, Emily O'Reilly, fil-Parlament Ewropew, Dr Metsola ferħitilha tal-ħidma sfiqa tagħha fil-qasam tal-ilmenti taċ-ċittadini u saħqet dwar l-importanza li l-politiċi jappoġġaw l-uffiċċji indipendenti tal-Ombudsman f'kull Stat tal-UE. Dr Metsola tkellmet dwar l-Ombudsman ta' Malta bħala eżempju ta' prassi tajba, u qalet li l-uffiċċju għandu jingħata l-appoġġ għall-inizjattiva li qiegħed imexxi biex jitnieda l-"Istitut Internazzjonali tal-Liġi tal-Ombudsman" f'Malta.

More in Politika