Il-kaċċaturi Maltin joqtlu ċ-ċans ta’ 190,000 ferħ kull rebbiegħa
Fil-11 ta’ April nivvutaw ‘LE’ biex intemmu dil-qerda kollha - Moira Delia
More in Politika
Fil-11 ta’ April nivvutaw ‘LE’ biex intemmu dil-qerda kollha - Moira Delia
Rapport imniedi f’konferenza stampa fir-riserva naturali tal-Għadira mill-preżentatriċi tat-TV u attivista favur l-annimali Moira Delia, flimkien ma’ Mark Sultana, rappreżentant ta’ BirdLife Malta għall-kampanja Spring Hunting Out, juri l-fatt xokkanti li l-kaċċaturi Maltin qegħdin joqtlu ċ-ċans ta’ 190,000 ferħ t’għasfur kull rebbiegħa.
“Kull sena qiegħed jintilef iċ-ċans li 190,000 bajda tfaqqas għaliex il-kaċċaturi Maltin qegħdin joqtlu l-għasafar li kellhom iċ-ċans ibiduhom. Hu għalhekk li r-rebbiegħa qatt ma tasal għal min ġie kkaċċjat” saħqet Moira Delia li żiedet tgħid li numru kbir ta’ għasafar protetti qegħdin jinqatlu f’Malta kull sena u li ħafna minnhom qegħdin jitħallew imutu f’agunija kbira fil-kampanja.
Delia ħeġġet lil kulħadd biex jitkellem u jsemma’ leħnu. “Ma nistgħux nibqgħu nisirqu mill-ġenerazzjonijiet futuri. Hu għalhekk li aħna li għandna ċ-ċans nivvutaw, irridu noħorġu fil-11 ta’ April u nivvutaw ‘LE’ biex intemmu dil-qerda kollha.”
Tkellem ukoll Mark Sultana li minn naħa tiegħu qal li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa qiegħed iservi ta’ paraventu sabiex jinqatlu speċi protetti u rari. “Aktar minn 38 speċi ta’ għasafar differenti ġew maqtula illegalment f’Malta f’dawn l-aħħar erba’ staġuni li fetħu fir-rebbiegħa. Dawn jinkludu l-Merill, l-għasfur nazzjonali ta’ Malta u l-Bagħdan Abjad, l-aktar tajra tal-priża rari fl-Ewropa.”
Sultana fisser li l-liġi tal-UE tqis il-kaċċa fir-rebbiegħa bħala illegali, u li Malta hi l-unika pajjiż li tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa għal skop purament ta’ delizzju. “L-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa jippermetti l-qtil ta’ 11,000 Gamiema u 5,000 Summiena tul tliet ġimgħat, għalkemm ħafna aktar qegħdin jinqatlu mill-10,000 kaċċatur f’Malta. Eluf ta’ għasafar qatt m’huma jirnexxilhom jaslu lura biex ibejtu, u dan qiegħed jipperikola l-futur ta’ dawn l-għasafar.”
Mark Sultana temm jgħid li l-gamiem jinsab fil-periklu fl-Ewropa kollha u li dan naqas b’aktar minn 20,000,000 mill-1980 ’l hawn. “Il-kaċċa fir-rebbiegħa qiegħda tipperikola l-eżistenza tagħhom.”