Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi stqarrija jirreferi għar-rapport intitolat “Malti jinħataf fil-Libja u jinħeles wara li tħallas rahan lill-milizja fi Tripli” u siltiet mill-intervista mas-Sur Geoffrey Farrugia bit-titlu “Ħtif ta’ Malti fil-Libja jinżamm mistur”, li kienu ppubblikati fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal ‘il-Mument’.
L-informazzjoni li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, u li kienet għaddiet mis-Sur Farrugia stess anki bil-miktub, tindika li hu qatt ma qal lill-awtoritajiet Maltin li dan kien każ ta’ ħtif iżda każ ta’ argument dwar negozju bejn is-Sur Farrugia u s-sieħeb Libjan tiegħu li spiċċa f’rapport għand il-pulizija ta’ Tripli u l-arrest tas-Sur Farrugia.
Fil-fatt, il-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru 2013, il-konslu Malti kienet infurmata li wara rapport li sar mis-sieħeb tas-Sur Farrugia, is-Sur Farrugia ma tħallix jitlaq mil-Libja u nżamm arrestat mill-pulizija. Il-Konslu għamlet l-arranġamenti meħtieġa biex żaret lis-Sur Farrugia fl-għassa tal-Pulizija u għenitu jsib avukat biex jassistih.
Is-Sur Farrugia tħalla jitlaq mill-għassa wara li ntlaħaq ftehim bejnu u sieħbu fin-negozju u rritorna Malta l-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2013, id-data li fiha il-ġurnal ‘il-Mument’ jallega li s-Sur Farrugia nħataf minn milizja Libjana.
F’e-mail ta’ ringrazzjament li bagħat lill-ogħla awtoritajiet tal-Gvern Malti, is-Sur Farrugia nnifsu jgħid li din kienet żjara ta’ negozju, imma spiċċa arrestat fi Tripli fuq biċċa negozju li marret ħażin.
Dan kollu juri li r-rapport li hemm fil-ġurnal jidher li huwa żgwidat.