Jitħabbru titjiriet diretti bejn Malta u l-Qatar minn Lulju li ġej
Qatar Airways se tibda topera erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u l-Qatar minn Lulju li ġej
More in Politika
Qatar Airways se tibda topera erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u l-Qatar minn Lulju li ġej
Qatar Airways se tibda topera erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn Malta u l-Qatar minn Lulju li ġej, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg waqt żjara f’Doha, ħabbar il-Ħamis filgħodu.
Borg ta dettalji dwar dawn it-titjiriet ftit wara t-tmiem ta’ laqgħa għolja ma’ Sheikh Mohammed bin Abdulraham Al-Thani, il-Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat tal-Qatar, kif ukoll taħditiet ma’ Ing. Badr Mohammed Al Meer, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Qatar Airways u Saad bin Ali Al Kharji, iċ-Chairman ta’ Qatar Tourism.
“Il-konnettività bl-ajru hija l-kolonna ewlenija sabiex immexxu ’l quddiem il-kummerċ u t-turiżmu, kif ukoll biex inkattru l-iskambji edukattivi u l-innovazzjoni,” stqarr Borg, hekk kif laqa’ dan l-iżvilupp importanti.
“Dawn it-titjiriet se jikkontribwixxu għall-ekonomiji taż-żewġ pajjiżi, filwaqt li jsaħħu l-għaqda kulturali u soċjali bejn iż-żewġ popli. Il-konnessjonijiet diretti mal-Ajruport Internazzjonali Hamad f’Doha se jsaħħu wkoll il-konnessjonijiet ta’ Malta ma’ ħafna reġjuni oħra, fosthom l-Awstralja, fejn għandna l-akbar diaspora Maltija, kif ukoll ħafna swieq tat-turiżmu emerġenti f’diversi reġjuni,” żied jgħid.
L-Ajruport Internazzjonali Hamad, il-bażi internazzjonali ta’ Qatar Airways, jospita titjiriet lejn 197 pajjiżi f’ħames kontinenti differenti.
Id-diskussjonijiet mal-Prim Ministru Al-Thani komplew jibnu fuq taħditiet oħra li saru f’dawn l-aħħar snin, fosthom iż-żjara tal-Ministru Borg fil-Qatar fl-2022, sabiex jiġu mistħarrġa opportunitajiet ta’ investimenti strateġiċi u kollaborazzjonijiet ġodda, partikolarment fis-servizzi finanzjarji, it-turiżmu u l-enerġija rinnovabbli.
Il-laqgħa ffukat ukoll fuq ir-rabta b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi, fis-sena tal-50 anniversarju minn meta ġew stabbiliti r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Qatar fit-18 ta’ Ġunju 1975. Id-Deputat Prim Ministru tenna l-istedina ta’ Malta lil investituri mill-Qatar biex jikkunsidraw lill-gżejjer Maltin bħala pont għas-swieq Ewropej, kif ukoll bħala bażi ta’ innovazzjoni sostenibbli.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Doha, id-Deputat Prim Ministru kien milqugħ ukoll fl-Ambaxxata Maltija fil-Qatar. Hawnhekk iltaqa’ mal-Ambaxxatur Simon Pullicino u uffiċjali oħra tal-ambaxxata, hekk kif qed ilestu proġett estensiv sabiex itejbu t-tagħmir fil-bini tal-ambaxxata għal servizzi konsulari aħjar lill-komunità Maltija f’dan ir-reġjun.
Id-delegazzjoni tad-Deputat Prim Ministru fil-Qatar kienet tinkludi wkoll lil Carlo Micallef, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Alan Borg, Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.