Gatt qal ukoll li l-mod kif tqassmu dawn il-fondi joħloq suspetti li proċess kollu kien ippjanat minn qabel u min se jeħodhom. “Kont nemmen li dan il-proġett kien se jkun wieħed pożittiv u trasparenti speċjalment meta qalulna li kien hemm ukoll bord tal-appell, xi ħaġa li qatt qabel ma kien hemm u ta’ dan kont ikkumplimentajthom.”
Gatt kompla jgħid li fil-verità ġara kollox oppost ta’ dak li kien wasal biex jemmen. “Qalulna li dawk il-proġetti li ma jikkwalifikawx. Stajna nappellaw għalihom fi żmien għaxart ijiem, mingħajr ma qalulna fejn u min hu l-bord tal-appell. U dan mhu xejn, għax ġurnata wara li nfurmawna li ma kkwalifikajniex, qassmu l-‘letters of commitment’ lill-kunsilli li ngħataw il-fondi meta suppost kien għad hemm disat ġranet t’appell għadhom miftuħa.”
Il-President tal-ANSEK kompla jisħaq li sal-ġurnata tal-lum ma jafux min ħa dawn il-fondi, la kemm ingħataw u lanqas ir-raġuni għaliex ingħataw lil min ingħataw. “Li sirt naf jew minn fuq il-media inkella minn fuq xi Facebook ta’ xi sindku li niżżilha fuq l-istatus tiegħu.”
Paul Gatt saħaq li dawn il-fondi suppost li kellhom jingħataw għal proġetti kapitali li l-Kunsilli ma kinux jifilħu għalihom u li kellhom isiru bi sħab mal-privat. “Minn dak li smajt s’issa l-kunsilli ngħataw somom għal proġetti żgħar bħal beacon zebra lights f’Ħal-Qormi li jiswew €20,000 meta aħna ppretendejna li l-proġetti li jikkwalifikaw kellhom ikunu dawk ta’ ‘l fuq minn €150,000 u li jsiru b’involviment mal-privat u mhux għal proġetti ta’ intietef kif qed nisimgħu, għax uffiċjalment ma qalulna xejn.”
Żied jgħid li minn informazzjoni li waslitlu għal widnejh hemm xi kunsilli li għal proġett kbir ingħataw biss 7% tal-fondi u għalhekk huma se jkollhom joħorġu l-kumplament u anke jiddejnu biex ilestu l-proġetti.
Paul Gatt temm jgħid li kollox jindika li l-fondi kienu diġa lesti lil min se jingħataw tant hu hekk li lejlet li saret il-konferenza stampa, Sindki li kkwalifikaw ġew ikkuntattjati permezz tat-telefon biex jattendu għall- konferenza. “Aħna lanqas biss ġejna avżati jew imqar inbagħtet xi email. Ħassejt li litteralment ħlejna ħin prezzjuż biex nimlew applikazzjonijiet għalxejn. Hu għalhekk li ħafna qed jisuspettaw u jgħidu li kollox kien ipprepara u ppjanat minn qabel.”