Jidher li l-Gvern mhux interessat jixtri l-Isptar Saint Philip’s

Frank Portelli, permezz tal-avukat tiegħu Adrian Delia, kien qed jitlob 22 miljun ewro, waqt li l-Gvern xhur ilu kien qed joffri madwar 12-il miljun

L-isptar fallut tal-eks attivist u Deputat Nazzjonalista Frank Portelli mhux fil-pjanijiet tal-Gvern li jinxtara. Portelli, permezz tal-avukat tiegħu Adrian Delia, kien qed jitlob 22 miljun ewro, waqt li l-Gvern xhur ilu kien qed joffri madwar 12-il miljun. 

Portelli, li kien is-sid tal-isptar privat, kien spiċċa falla l-isptar privat u kien spiċċa l-mira ta’ bosta azzjonijiet legali biex jitħallsu kontijiet pendenti. 

Minkejja kollox kien attiv fil-Partit Nazzjonalista bħala uffiċjal u iktar tard ukoll bħala kandidat għall-kap tal-PN. Portelli kien magħruf għall-attakki bla qies favur is-saltna tad-dritt u kontra l-korruzzjoni. Imma ħafna nies li kienu jafuh kienu jirrakkontaw li kien qed jagħmel hekk biex jgħatti l-falliment tiegħu f’Saint Philip’s. 

Wara s-saga tal-Istewards u l-fatt li l-Isptar San Luqa baqa’ mhux utilizzat, ma jagħmilx sens li l-Gvern jinvesti f’bini żdingat u mitluq li kien darba sptar.  

U fil-klima politika, xi ħlas imdaqqas lil Portelli żgur jiġi kkritikat, b’mod speċjali meta l-uniku skop ikun biex jinħall Portelli mid-dejn kbir li għandu. 

More in Politika