L-ikbar problema, skont il-Gvern, mhijiex in-numru ta’ karozzi fit-toroq, imma li qed jintużaw fl-istess ħin. Dan kien ċar kristall fi proposti maħruġa mill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett is-Sibt filgħodu, iżda l-Ministru stess irrepeta dan ma’ ġurnalist tal-gazzetta oħt, MaltaToday, meta ppressat fuq is-suġġett.
“Ma rridux inħarsu biss lejn in-numru ta’ karozzi, imma wkoll lejn l-użu … il-proposti ta’ dalgħodu mmirati fuq hekk,” Bonett qal is-Sibt.
It-traffiku dejjem kien suġġett ta’ kontroversja iżda fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista, it-traffiku spiċċa injorat jew imbuttat skont il-burdata.
Minn ministru li jgħid li t-traffiku huwa perċezzjoni, għal ieħor li jweħħel fil-festi u l-monti, issa għandna ministru li għamel pass ’il quddiem u ammetta li t-traffiku problema, iżda xorta qed jinjora l-iljunfant daqs dinja fil-kamra.
Fil-fatt kien il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Mark Anthony Sammut, li sforza s-suġġett fil-Kamra.
Iwieġeb għal mistoqsija parlamentari, Bonett żvela li aktar minn 55,000 persuna f’Malta għandhom aktar minn karozza waħda.
55,000 persuna f’Malta għandha aktar minn karozza waħda
Ċifri fuq il-mejda tal-Kamra juru li 55,000 persuna f’Malta għandhom aktar minn karozza waħda.
Din l-informazzjoni ngħatat b’risposta għal mistoqsija parlamentari ta’ Mark Anthony Sammut, kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Trasport, diretta lill-Ministru għat-Trasport Chris Bonett.
L-informazzjoni ma tinkludix vetturi bħal muturi u vetturi b’żewġ roti.
Iċ-ċifri juru wkoll li 39,524 persuna għandhom żewġ karozzi, filwaqt li 10,188 għandhom tliet karozzi, u 1,111 għandhom erba’ karozzi.
Barra minn hekk, hemm 170,143 persuna f’Malta li għandhom biss karozza waħda.
Fost iċ-ċifri ppreżentati, l-iktar persuna li għandha vetturi tirreġistra rekord ta’ 83 karozza.
Minkejja dan kollu, Bonett insista li l-prijorità tal-Gvern bħalissa hija li jqassam it-traffiku tat-toroq Maltin u jifrixhom fis-sigħat kollha tal-ġurnata.
Hu għalhekk li qed jipproponi li ċerti servizzi pubbliċi, inkluż ġbir taż-żibel, jew xogħol ta’ landscaping, isiru matul il-lejl. L-istess jixtieq li jseħħ fis-settur privat, bil-ministru jissuġġerixxi li saħansitra lezzjonijiet tas-sewqan isiru fis-sigħat bikrin jew tard, biex ma jaħbtux mal-ħinijiet l-aktar bieżla.
“L-idea hi li nifirxu l-użu tal-karozzi jew innaqqsu użu ta’ karozzi f’ċerti ħinijiet.”
“Jekk innaqqsu t-trasport tas-servizzi pubbliċi nagħmlu differenza wkoll … nixtieq li d-diskussjoni ma tiffukax biss fuq in-numru ta’ karozzi,” saħaq mal-ġurnalisti Bonett.
Għaldaqstant, il-proposti mhux li tant jaraw xi diversifikazzjoni fit-trasport alternattiv, iżda jsemmu l-possibbiltà ta’ inċentivi li jaraw sewwieqa ta’ trasport tradizzjonali jagħtu lura l-liċenzja biex jibdew jużaw trasport alternattiv