Proġett immirat biex jiżdied it-turiżmu rurali f’pajjiżna
Sar b’investiment ko-finanzjati mill-fond Agrikolu Ewropew
More in Politika
Sar b’investiment ko-finanzjati mill-fond Agrikolu Ewropew
“Dan hu proġett immirat biex jiżdied it-turiżmu rurali f’pajjiżna kif ukoll hu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet taż-Żurrieq u ta’ Ħal Safi.” Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis waqt it-tnedija ta’ Misraħ Ħlantun.
Zammit Lewis qal li dan huwa proġett li ser jitgawda l-iktar mir-residenti taż-Żurrieq, Ħal-Safi u l-lokalitajiet tal-madwar. “Dan il-proġett huwa mmirat lejn it-tisbiħ tat-turiżmu rurali ta’ pajjiżna. Misraħ Ħlantun huwa parti mill-proġett MaltaGoesRural, proġett li hu immexxi mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u li sar b’investiment ta’ €2 miljun li huma ko-finanzjati mill-fond Agrikolu Ewropew, ‘intejbu l-kwalità tal-ħajja f’żoni rurali’.”
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-proġett MaltaGoesRural kien maqsum f’komponeti differenti u li kellu numru ta’ proġetti ta’ tisbiħ. “Il-proġetti saru fiż-Żurrieq, Qrendi u Siġġiewi. Barra il-proġetti ta’ tisbiħ, kienu mnedija wkoll numru ta’ mixjiet f’żoni rurali li jibdew jew jispiċċaw fl-irħula bħal Ħad-Dingli, ir-Rabat, is-Siġġiewi, il-Qrendi, iż-Żurrieq, Marsaskala, Marsaxlokk u l-Mellieħa, fost oħrajn. Il-proġett MaltaGoesRural kien jinkludi wkoll it-twaħħil ta’ sinjali, informattivi (li tpoġġew quddiem postijiet storiċi u kulturali) u direzzjonali (li tweħħlu fir-rotot tal-mixjiet) biex ikunu jistgħu jiffaċilitaw l-esperjenza ta’ min ikun għazel li jmur għal waħda min dawn il-mixjiet.”
Il-Ministru għat-Turiżmu spjega kif kull mixja ġiet spjegata b’format ta’ mappa u li wieħed jista jsib dawn il-mapep fi Tourist Information Offices tal-MTA jew jista’ jniżżel dawn il-mapep mis-sit ta’ visitmalta. “Din il-pjazza li ninsabu fiha jew aħjar Misraħ Ħlantun, kien iċ-ċentru fejn kienu jiltaqgħu l-bdiewa li kellhom l-għelieqi fl-inħawi. Din il-pjazza għalhekk hija parti importanti mill-prodott rurali ta’ pajjiżna għaliex tirrapreżenta d-diversi postijiet ċentrali fejn kienu jiltaqgħu il-bdiewa minn irħula li kienu sinonimi mal-agrikoltura.”
Zammit Lewis temm jgħid li bħala parti minn dan il-proġett, tweħħlu il-grass blocks flok l-asfalt li kien hemm biex b’hekk ikun hemm pavimentar li jikkumplimenta z-zona waqt li saħaq li huwa kruċjali li ninvestu fl-awtentiċità tal-prodott u fl-ibliet u rħula Maltin.