Għawdxija sfidat il-kaċċaturi billi ssieħbet fil-Birdlife
Hairdresser li sabet kwantita ta' lumi u bajd mal-bieb tal-ħanut iddeċidiet li tirritalja b'mod oriġinali
minn John Busuttil

Maryann Curmi, hairdresser min-Nadur fil-ġurnata li l-kaċċaturi kienu qed jiċċelebraw ir-rebħa tal-IVA għażlu li jpoġġulha ħafna lumi mal-bieb tas-salon tagħha u anke kissrulha bajda fuq l-għatba. Dan għaliex fuq Facebook hi stqarret li ma taqbilx mal-kaċċa fir-rebbiegħa u li se tivvota LE.

Iżda li ma kinux jafu l-kaċċaturi dak li għamlu lil Maryann wassalha tagħmel xi ħaġa li probabli qatt ma stennew. Maryann Curmi sarrfet il-lumi li rċeviet u l-bajd imkisser billi ngħaqdet bħala membru tal-BirdLife u tal-CABS biex tħares aktar mill-qrib li ma jsirux illegalitajiet fuq l-ħajja tal-għasafar li hi tant tgħożż.
Tkellimna ma’ Maryann Curmi li qaltilna għaliex hi kienet il-mira tal-kaċċaturi li kienu qed jiċċelebraw u kif ħaditha meta rat il-lumi quddiem il-bieb. “Ċempluli biex jgħiduli li għandi l-lumi wara l-bieb. Jien ħsibt li għamluli xi ċajta minn dawk is-slaleb ta’ klijenti żgħażagħ li għandi għax dejjem naqbduha fuq il-kaċċa u bdejt nidħak. Iżda kif wasalt fejn il-ħanut u rajt bajda mal-art ġie x’jgħidli li jista’ jkun li ma kienet ċajta xejn. Tellajt ir-ritratti fuq Facebook b’nota kemxejn umoristika imma xi ħadd ġibidli l-attenzjoni li kien hemm ħafna aktar lumi milli tellajt jien fuq Facebook, għax sa ma mort jien kien laħaq għadda dak li jnaddaf u ġabar il-lumi ta’ fuq il-bankina. Xħin rajt dan ir-ritratt tal-kwantità ta’ lumi biddilt il-ħsieb u issa nisuspetta li kien att vandalu u personali.”

Maryann qaltilna li fis-salon tagħha kulħadd hu liberu li jiddiskuti kull tip ta’ suġġett bħall-politika u reliġjon, imma dan l-aħħar is-suġġett l-aktar popolari kien il-kaċċa. “Naf li hawn ħafna li ma jogħġobhomx il-mod kif nesprimi ruħi, għax jien ma nafx indur mal-lewża jew naħbi. Hemm bżonn li d-diskussjoni tal-politika jew xi ħaġa taħraq ma tibqax t-tabù. Bħala hairdresser professjonali għandi r-responsabilità li nagħti l-aħjar tiegħi lil kull klijent irrelevanti l-kulur politiku tiegħu, x’reliġjon iħaddan, x’kulur tal-ġilda għandu jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Iżda dan ma jfissirx li m’għandix dritt nagħti opinjoni tiegħi fuq kwalunkwè suġġett li niddiskutu. Fil-fatt naf li hemm min jagħmilli boycott u hemm xi wħud li għandhom struzzjonijiet ċari ‘minn fuq’ u dan aktar issaħħaħni biex negħleb l-oxxenità li wieħed ma jistax jesprimi ruħu kif irid. Allura iva, din tista’ tkun għax kont nikteb kontra l-kaċċa, għalkemm qatt ma attakkajt lil ħadd personali.”

Maryann issa ddeċidiet li tingħaqad mal-Birdlife u mal-Cabs u qaltilna x’wassalha eżatt tagħmel dan issa, “jien favur il-ħajja u l-ambjent imma qatt ma kelli ċ-ċans li nkun parti minn xi organizazzjoni. Ġegħlni nagħmel dan min poġġa l-lumi għax forsi ma qbiltx miegħu u l-mod kif għamilha deher ċar li ma kinitx ċajta. Allura ħassejt il-bżonn li ningħaqad ma’ xi organizazzjoni biex ma nkunx qed inparla biss imma biex ngħin f’xi ħaġa li issa qed nemmen aktar fiha minn qatt qabel. U nixtieq li nqajjem aktar kuxjenza fuq il-qasam. Issiħibt mal-Birdlife u mhux fi ħsiebni nieqaf hawn. Ingħaqadt ukoll mal-CABS u għandi niltaqa’ magħhom biex immur voluntiera.”
Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

