Il-Gvern irrefera għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija dalgħodu minn Alternattiva Demokratika u qal li filwaqt li jinnota li l-AD hija pożittiva dwar il-kunċett ta’ istituzzjoni edukattiva ġdida fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż, jidher li l-informazzjoni bażika li għandha hi żbaljata.
Fost l-oħrajn, intqal mill-AD li l-proġett se jokkupa aktar minn 200,000 metru kwadru. Il-Gvern qal li l-fatti huma li l-proġett qed ikun propost li jkun fuq żona li se tkun inqas kinn 100,000 metru kwadru u fih se jkun hemm diversi spazji miftuħa.
Intqal ukoll mill-AD li ż-żona hija ta’ importanza xjentifika. Il-Gvern qal li l-Pjan Lokali għan-nofsinhar ta’ Malta mill-MEPA fl-2006, u li partijiet minnu qatt ma ġew implimentati, jissuġġerixxi li parti miż-żona tal-kosta tista’ tiġi kklassifikata bħala żona ta’ importanza xjentifika. Il-Gvern se jara li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex din iż-żona tiġi affettwata mill-inqas. Il-gvern irrimarka li l-iżvilupp kunsidrat hu limitat għal dawk il-partijiet li fis-survey tal-Università ta' Malta tas-sena 2000 kienu ġew identifikati bħala art agrikola abbandunata.