Sit alternattiv għall-impjegati tal-Kummissjoni Ewropea esposti għall-asbestos

L-MPE Malti Alfred Sant kien ilu minn Diċembru 2014 jistaqsi biex jingħata data preċiża

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-1,700 ħaddiem, 50 minnhom Maltin, li huma direttament esposti għall-asbestos fil-bini Jean Monnet fil-Lussemburgu ‘għandhom jiċċaqalqu f’bini alternattiv fl-ewwel xhur tas-sena 2016'. Dan il-bini sar disponibbli mill-awtoritajiet tal-Lussemburgu u għandu jkun lest sal-aħħar tas-sena 2015.’ Il-Kummissjoni qalet li l-impjegati ilhom jiċċaqalqu f’siti ta’ uffiċini alternattivi b’mod gradwali sa minn Novembru tal-2014. Il-Viċi President Kristalina Georgieva tat din id-data wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant kien ilu minn Diċembru 2014 jistaqsi biex jingħata data preċiża għall-evakwazzjoni tal-ħaddiema esposti għall-asbestos.

F’reazzjoni għar-risposta ta’ Georgieva, l-MPE Malti Alfred Sant qal li dan id-dewmien mill-Kummissjoni Ewropea lanqas jitwemmen għax is-sitwazzjoni hija inaċettabbli. Dan għaliex mijiet ta’ impjegati kienu u għadhom f’riskju - "Suppost il-Kummissjoni tfassal l-istandards għal ħaddieħor. F’din is-sitwazzjoni daqshekk vitali kienet komda ma tagħtix kashom. Nispera li bil-moħbi mhux qed jinkisru aktar regoli fis-sistemi amministrattivi tal-Kummissjoni."

Il-Kummissjoni qalet li fit-12 ta’ Mejju, l-awtorità tal-Baġits, iffirmat kuntratt biex tikri żewġ binjiet alternattivi. Dawn se jkunu mgħammra ftit ftit bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-aħħar ta’ Novembru 2015. L-impjegati se jimxu f’dawn il-binjiet kull meta l-ispazji tal-uffiċċini fihom ikunu mgħammra u disponibbli. Il-Kummissjoni kkonfermat li sal-lum kien hemm 4 mpjegati li ġew rikonoxxuti li mardu wara li kienu esposti għall-asbestos fil-bini Jean Monnet.

Sant kien staqsa għaliex il-Kummissjoni ħadet 20 sena biex iċċaqlaq l-impjegati tagħha barra mill-bini Jean Monnet. Hu kien staqsa lil Kummissjoni għandhiex data definittiva biex toħroġ lil ħaddiema kollha minn dan il-bini. Staqsa kemm kien hemm każijiet rikonoxxuti mill-Kummissjoni, ta’ ħaddiema li mardu għax kienu esposti għall-asbestos, f’dan il-bini.

More in Politika