Il-fiduċja fil-klassi politika
L-Editorjal tal-ILLUM
More in Politika
L-Editorjal tal-ILLUM
Il-ħajja politika qatt mhi nieqsa mill-kontroversji u għalkemm kull politiku jinsisti li jekk ikun elett ikun onest u trasparenti fil-qadi ta’ dmirijietu, jidher li din il-wegħda malajr tintesa minn bosta hekk kif isibu ruħhom fil-parlament.
Matul l-aħħar xhur u ġimgħat smajna b’diversi każijiet li għandhom iħammru wiċċ il-politiċi li kienu responsabbli meta seħħew in-nuqqasijiet. Nuqqasijiet li meta wieħed iqis id-dimensjoni tagħhom jasal faċilment biex jifhem kemm kien hemm min lest jabbuża mill-poter li kien fdat f’idejh.
Skandli li jammontaw għal miljuni jew eluf kbar ta’ ewro f’serq minn fuq dar il-poplu li jaħdem u jistinka biex jaqla l-għixien tiegħu u jħallas it-taxxi biex l-istess taxxi suppost jinqasmu f’ġid komuni.
L-Iskandlu ta’ Mater Dei hu wieħed li ħasad u xxokkja lil min qatt m’għaddielu minn moħħu li hawn min kien lest li jbagħbas fil-kwalità tal-konkrit tal-isptar u mingħajr ebda skruplu jpoġġi saħħet il-poplu f’riskju kbir.
Smajna wkoll bil-prattika rampanti li kien hemm fil-gżira Għawdxija fejn xogħolijiet minn ħaddiema u materjali pubbliċi kienu jsiru fil-privat sabiex ikunu żgurati l-voti.
Ma’ dawn hemm ukoll ix-xiri ta’ propjetà u esproprjazzjoni ta’ art li qajjmu kontroversji sħaħ bħal ma’ ġara fil-każ tal-Kafe Premier u wkoll ix-xiri ta’ parti minn propjetà li tinsab fi Triq Iz-Zekka.
U ma’ kull każ tinfetaħ inkjesta, jekk mhux tnejn, sabiex suppost tkun magħrufa l-verità, xejn ħlief il-verità li l-poplu għandi dritt sagrosant li jkun jaf. U l-politiċi jippuntaw subgħajhom lejn xulxin bla ma ħadd jassumi responsabiltà politika. Jakkużaw li hemm tfiħ ta’ tgħajn jew li qegħdin jaljenaw in-nies waqt li l-poplu jibqa mbellagħ bli qed jisma’ u ssummat għax ma jista’ jagħmel xejn.
Il-prattika li l-politiċi jibqgħu għaddejjin b’xogħolhom, anke meta jkunu qed isiru nkjesti fuqhom jew l-operat tagħhom, kemm jekk huma fil-gvern u kemm jekk huma fl-oppożizzjoni, għandha tispiċċa darba għal dejjem.
Bħal ma’ l-Partit Labursita nsista mal-Partit Nazzjonalista li Giovanna Debono kellha tkun sospiża meta feġġew l-allegazzjonijiet kontra żewġha, hekk ukoll kellu jagħmel il-Partit Laburista fil-każ tax-xiri ta’ propjetà fi Triq iz-Zekka mingħand Marco Gaffarena, liema xiri qajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar kif sar in-negozju ta’ parti mill-propjetà li għaliha tħallsu flejjes tajba u ingħataw artijiet oħra bħala parti mill-ftehim, kollox bil-firma tas-segretarju parlamentari Michael Falzon.
Jagħmlu ħażin il-politiċi li jaħsbu li xejn mhu xejn u li jistgħu jibqgu jirrumblaw minn fuq il-poplu bla ebda konsegwenzi. In-nies, aktar ma tisma’ b’dawn l-iskandli u rregolaritajiet, qed tkompli titlef il-fiduċja fil-klassi politika.
Fl-aħħar leġiżlazzjoni l-poplu tilef kompletament il-fiduċja politika li kellu fil-partit nazzjonalista u l-ebda wegħda elettorali ma ġabet lura lil dawk l-eluf kollha li kienu ddeċidew li jibgħatuħ fl-oppożizzjoni.
Għaldaqstant, waqt li l-partit laburista fil-gvern għaddej bil-laqgħat pubbliċi ta’ Gvern Li Jisma’, jagħmel tajjeb jekk jisma’ wkoll lil min jinsab imxebba mill-arroganza u jintroduċi miżuri u sistemi li jiggarantixxu l-onestà u t-trasparenza fost il-klassi politika.