Falzon jinsisti li m'għamel xejn ħażin fl-iskandlu ta' Gaffarena

Jason Azzopardi ma jaħsibx li dan il-każ jista' jitqabbel mal-każ tal-Fekruna

Is-segretarju parlamentari responsabbli għall-artijiet Michael Falzon insista li m'għamel xejn ħażin fil-ftehim kontroversjali ta' esproprjazzjoni li fih l-iżviluppatur Marco Gaffarena rċieva €822,500 f'kontanti, flimkien ma' xi artijiet tal-gvern, b'total ta' €822,500, għall-esproprjazzjoni ta' 50% tal-bini tiegħu fil-Belt Valletta li fih hemm l-uffiċċji tal-Kumitat Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini.

Falzon enfasizza li ma kien hemm l-ebda interferenza politika min-naħa tiegħu, u kompla saħaq li "jieħu l-passi neċessarji" jekk ikun hemm bżonnhom. Dan qalu waqt il-programm ta' diskussjoni Reporter, immexxi minn Saviour Balzan, li kellu mistieden ukoll lix-shadow minister għall-ġustizzja, u eks ministru responsabbli għall-artijiet, Jason Azzopardi.

"Jien imponejt ruħi fuq l-periti, jew nnegozjajt ma' Gaffarena?" staqsa Falzon. "Din hija l-kwistjoni. Ma kienx hemm interferenza politika."

Azzopardi talab li tittieħed responsabilità politika mill-ministru responsabbli għall-artijiet, fejn qal li kienet l-ewwel darba mill-Indipendenza ta' Malta li din il-pożizzjoni hija okkupata mill-Prim Ministru ta' Malta, Joseph Muscat. "L-akbar skandli fid-dipartiment tal-arijiet inħarġu waqt lil-mandat ta' Muscat."

Mistoqsi jekk hux ħa jirreżenja, anke temporanjament, Falzon wieġeb: "Ħa nkun ċar. Għaddejjin żewġ investigazzjonijet. M'għandixproblema ngħid, anzi qed niddikjara li nieħu l-parir ta' dawn l-investigazzjonijiet."

Min-naħa tiegħu, Falzon saħaq li "din hija ripetizzjoni ta' dak li ġara fis-70ijiet. Meta l-eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff beda joħloq il-ġid, fejn il-PN għamel l-almu tiegħu biex ixekkel l-isforzi tal-gvern permezz ta' strikes. Qed jagħmel l-istess ħaġa issa."

Balzan staqsa lis-segretarju parlamentari jekk dejqux il-fatt li Gaffarena kellu s-setgħa li jagħżel l-kumpens li jingħata, fejn Falzon wieġeb li bħala politiku dan mhux fl-inkarigu tiegħu li jagħti valur lill-artijiet, fejn sostna li kien il-PN li "ġab lill-pajjiż fl-istat diżastruż li jinsab fih."

Azzopardi ma seta' jara l-ebda tqabbil bejn il-każijiet ta' Gaffarena u tal-Fekruna, hekk kif Balzan staqsih dwar l-esproprjazzjoni tar-restaurant tal-Fekruna fix-Xemxija. Minkejja li kien jaf aktar minn €80 miljun f'kumpens lis-sidien tal-art, li l-artijiet tagħhom ġew esproprjati mill-istat, is-sid tar-restaurant ingħata €4.3 miljun fi tpartit tal-artijiet - bħala kumpens li l-ftehim għalih sar erbat ijiem biss qabel l-elezzjonijiet ġenerali tal-2013.

Azzopardi sostna li fil-każ ta' Gaffarena nofs il-bini ġie esproprjat għall-benefiċċju ta' raġel wieħed biss, fejn fil-każ tal-Fekruna, il-PN kien ġie elett fl-2008 bil-wegħda li jesproprja propjetajiet privati f'żoni b'xenarju - sabiex dan ix-xenarju jkun jista' jitgawda mill-komunità.

 

More in Politika