€15-il miljun fi skemi ta’ pannelli fotovoltajiċi għall-familji Maltin

L-iskema se tkun qed tkopri 50% tal-ispejjeż eleġibbli

Kull min jixtieq jinvesti f’pannelli fotovaltajiċi se jkun jista’ jagħmel dan permezz ta’ fondi Ewropej hekk kif il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej Ian Borg, ħabbar skema ġdida immirata proprju lejn dan it-tip ta’ investiment tant imfittex fost ir-residenzi lokali.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa Ronald Mizzi spjega li din l-iskema se tkun qed tara €15-il miljun minn Fondi Ewropej investiti fost familji Maltin u għandha l-potenzjal li tgħin madwar 7,000 familja.
L-applikazzjonijiet se jiftħu fl-ewwel ġimgħat ta’ Lulju.

L-iskema se tkun qed tkopri 50% tal-ispejjeż eleġibbli u kull benefiċarju se jkun qed igawdi minn massimu ta’ €757 għal kull kWp li jiġi ġġenerat.  Kull applikant se jkun jista’ jgawdi sa massimu ta’ €2300 għal kull sistema li se jkun qed jinstalla fir-residenza tiegħu.
Din l-iskema nħarġet b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa u s-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej u se tgħin biex il-familji jibbenefikaw minn miżuri għall-enerġija alternattiva.  

Preżenti wkoll għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm rappreżentanti tal-Malta Resource Authority (MRA), tal-General Retailers’ & Traders’ Union (GRTU) u tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) kif ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija, s-Sur Ronald Mizzi.

More in Politika