Żieda qawwija fil-pagi u fl-offerti ta’ xogħol f’Malta

Il-paga medja għoliet bi kważi 3.5% 

Il-paga medja għoliet bi kważi 3.5%
Il-paga medja għoliet bi kważi 3.5%

Il-Gvern qal fi stqarrija li filwaqt li fl-ewwel kwart tal-2015 madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm żieda fil-pagi ta’ 2.4%, f’Malta kellna tkabbir ta’ 3.4%. Skont il-Eurostat, dan kien it-tielet kwart konsekuttiv li fih f’pajjiżna kellna żieda fil-pagi ogħla minn 3%.

Iċ-ċifri juru li l-poter tal-akkwist tal-ħaddiema tagħna ssaħħaħ b’mod konsiderevoli matul l-aħħar disa’ xhur. Il-paga medja għoliet bi kważi 3.5% tul dawn l-aħħar xhur, jew għaxar darbiet ir-rata tal-inflazzjoni. Dan ir-riżultat iġib fix-xejn l-argument negattiv tal-Oppożizzjoni li bħalissa hawn għafsa fil-pagi u l-ħaddiema qed jispiċċaw b’inqas flus fil-but.

L-akbar żieda fil-pagi kienet fl-industrija fejn il-Eurostat osservat tkabbir ta’ 5.7% f’Malta, aktar mid-doppju tal-medja Ewropea. Fil-qasam tas-servizzi, iż-żieda kienet ta’ 2.1% filwaqt li f’oqsma oħra kien hemm żieda ta’ 4.7%, jew kważi darbtejn u nofs il-medja Ewropea.

Stqarrija oħra tal-Eurostat turi li f’Malta kellna t-tieni l-ogħla żieda fl-offerti ta’ xogħol madwar l-Unjoni Ewropea matul l-ewwel kwart tas-sena. Dan wara li, għal żewġ kwarti preċedenti, pajjiżna kellu l-akbar żieda fl-offerti ta’ xogħol. Fil-fatt, issa huwa biss fil-Ġermanja li proporzjonalment hemm aktar offerti ta’ xogħol milli hawn f’Malta.

F’Malta, min iħaddem għandhom vacancies ekwivalenti għal 2.5% tal-postijiet kollha tax-xogħol, kontra medja ta’ 1.7% madwar l-Unjoni Ewropea. Sas-sena li għaddiet, din ir-rata kienet ta’ 2% f’Malta kontra 1.6% fl-Unjoni Ewropea.

L-operaturi f’Malta fil-qasam tal-manifattura u l-kostruzzjoni, skont il-Eurostat, għandhom bżonn iżidu l-impjiegi tagħhom bi 2.1%. Dan huwa d-doppju tal-bżonn ta’ ħaddiema f’dan is-settur madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin l-operaturi f’Malta fil-qasam tas-servizzi għandhom vacancies ekwivalenti għal 2.9% tal-ammont ta’ ħaddiema li għandhom bżonn. Huwa biss fil-Ġermanja li  hemm domanda akbar f’dan il-qasam għal ħaddiema.

Din iż-żieda qawwija fil-job vacancies seħħet fl-istess ħin li pajjiżna, għat-tieni sena konsekuttiva, kellu l-akbar żieda fl-impjiegi qatt irreġistrata fl-istorja. Din hija konferma tat-tkabbir qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

L-istatistika tikkonferma l-importanza tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol. B’miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ, is-servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd, u l-in-work benefits, in-numru ta’ persuni li  jkunu jistgħu jaħdmu qiegħed jiżdied. Il-Gvern se jibqa’ jagħmel minn kollox biex ikabbar il-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna għall-ġid tal-familji tagħna.

 

More in Politika