Pageant of the Seas, festival ta' sitt sigħat sħaħ ta' kulur
Sena sħiħa ta' ċelebrazzjonijiet mill-Valletta 2018 li jfakkru l-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta
More in Politika
Sena sħiħa ta' ċelebrazzjonijiet mill-Valletta 2018 li jfakkru l-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta
Meta kien qed jipparteċipa waqt il-programm Reporter tal-lejla ċ-ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 żvela li s-sena d-dieħla se jkun qed isir festival kbir ħafna bejn il-Belt Valletta u l-bliet tal-Kottonera, li se jkun qiegħed jikkomemora l-450 sena mit-twaqqif tal-Belt Valletta u li se jkun jismu Pageant of the Seas. Fil-festival huwa mistenni li jieħdu sehem għadd ta’ għaqdiet b’attivitajiet diversi u kkuluriti, fosthom ukoll id-dilettanti tal-Karnival u se jsir fuq medda ta’ sitt siegħat sħaħ.
Micallef tkellem ukoll dwar id-Direttur Artistiku Mario Philip Azzopardi, għal xi żmien f’nofs kontroversja, u spjega kif dak li jinteressa lilu huwa li Azzopardi jaħdem “fil-kwiet mingħajr ħafna tlablib”. Huwa qal li r-riżultati ta’ Azzopardi se jkunu qed jidhru s-sena d-dieħla fejn apparti l-Paegent of the Seas se jkun hemm attivitajiet u ċelebrazzjoinijiet matul is-sena kollha.
Ma setax jonqos li waqt il-programm tqum il-kwistjoni tal-Artistic Hub b’Teodor Reljic jgħid li għalkemm jaqbel mal-kunċett ta’ ‘hubs’ ma jistax jifhem kif l-ideat ġew “imposti” fuq ir-residenti, bl-istorbju u l-inkonvenjent kollu li dan jista' joħloq. Micallef wieġeb billi fakkar kif il-Fondazzjoni ddiskutiet il-pjanijiet mar-residenti kif ukoll li dan il-proġett, li diġà beda ikun attwat, se jfisser il-qawmien mill-ġdid taż-żona tal-Baviera u d-Due Balli. “Il-belt mhux mużew, imma tinkludi spazji u ċentri ta’ divertiment alternattiv.”
Anke hawnhekk qam battibekk dwar x’tip ta’ divertiment għandu jkun hemm il-Belt Valletta, b’Reljic jistaqsi kif il-Belt se jsir festival tal-birra. Micallef ħass li kellu jerġa' jiċħad l-akkużi li jrid jagħmel Paceville oħra fil-Belt u qal illi l-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet fi Strada Stretta huwa ċar li ż-żona la qatt kienet u lanqas qatt mhu se tkun xi replika tal-mekka tad-divertiment f’San Ġiljan.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli semma problemi infrastrutturali fil-belt filwaqt li saħaq dwar l-importanza li r-residenti jħossuhom dejjem parti mill-mixja biex il-Belt Valletta ssir l-Belt Kapitali tal-Kultura Ewropea. Huwa ħabbar li mhux se jibqgħu jintużaw ‘scammels’ fil-ġbir ta’ skart. Fil-programm Reporter ħa sehem ukoll Paul Fenech President tar-Republic Street Business Communty li faħħar l-inizjattivi li qed isiru biex iktar żgħażagħ jersqu lejn il-belt kapitali, filwaqt li ppropona li parti mill-foss taħt il-Belt Valletta jkun parkeġġ, biex titaffa din il-problema.