B’vot LE nipperikolaw l-futur fl-UE imma nirbħu d-dinjità

Ċittadina Griega titkellem mal-ILLUM dwar il-ħsibijiet tagħha f’jum ir-referendum fil-Greċja

F’kummenti esklussivi mal-ILLUM Maria Klouvidaki, ġurnalista mill-Greċja li taħdem mal-ġurnal ‘Haniotika Nea’ qalet li llum hi se tkun qed tivvota LE fir-referendum imsejjaħ mill-Gvern Grieg. Mistoqsija għalfejn se tagħmel din l-għażla hija spjegat kif huwa importanti li l-poplu Grieg jifhem li jekk jgħaddi l-vot LE ikun “vera li l-futur ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jkun ipperikolat, imma nibdew nirbħu lura d-dinjità.”

“Jiena se nivvota le għax inħoss li issa hemm bżonn ta’ bidla fil-Greċja. Jeħtieġ li nieqfu lill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għax jekk ma nagħmlux dan u naċċettaw il-pjan tal-kredituri nkomplu ninżlu f’sitwazzjoni ta’ faqar bla preċedent” saħqet Klouvidaki. Hija esprimiet id-dwejjaq tagħha ma’ dan il-ġurnal għal dak li ddeskriviet bħala “sitwazzjoni mill-aktar diffiċli li qed jiffaċċjaw il-Griegi,” fosthom minħabba li dawn ma jistgħux iħallsu d-djun li għandhom fuq proprjetà jew negozju li tħabtu tant biex jixtru jew jinvestu fih.

 “Apparti minn dan qed naħdmu biex ta’ kuljum qed insibu li s-saħħa tal-paga nieżla, ħafna nies qed jitilfu l-impjieg u mijiet oħrajn lanqas biss għandhom x’jieklu,” spjegat il-Griega li wriet ruħha rrabjata għall-fatt li f’ħajjitha kellha tara lil pajjiżha jibda jaqa’ f’faqar assolut.

L-ILLUM staqsa li Klouvidaki jekk taħsibx li l-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras hux qed jaġixxi b’mod korrett mal-UE, bit-tweġiba tagħha tkun li taqbel miegħu li jġib ftehim aħjar “għax jekk xejn Tsipras mhux qed jagħmel bħal Gvern ta’ qabel u jaċċetta dak kollu li tbegħllalu l-UE.” Hija kompliet tgħid li jeħtieġ li r-regoli jkunu adattati kemm għall-UE imma wkoll għall-poplu Grieg “li ilu jbati l-konsegwenzi tal-awsterità għal snin issa.”

 

Hija sostniet li ma jagħmilx sens li tgħid iva għal kollox, speċjalment jekk taf li l-poplu tiegħek se jkun qed ibati u ppuntat subgħajha lejn l-eks-Prim Ministru Samaras talli ma ħarisx biżżejjed l-interessi tal-ħaddiema meta ffirma memorandum mal-UE li fisser snin ta’ tbatija għall-poplu Grieg.

L-ILLUM staqsa lil Klouvidaki x’taħseb li se jkun ir-riżultat tar-referendum, bil-ġurnalista tgħid li tinsab beżgħana li l-midja Griega, li skont hi “tterrorizzat lill-poplu Grieg  mill-vot LE” jista’ jkollha effett qawwi fir-riżultat. Hija sostniet li jekk illum jgħaddi l-vot tal-LE, għalkemm il-futur tal-Greċja mal-UE jista’ jkun imċajpar, il-Greċja terġa’ tirbaħ id-dinjità tagħha u l-poplu jista’ jkollu ċ-ċans li jibda jieħu naqra nifs.

Il-Griegi inċerti u mistoqsija kumplikata

Minkejja li Klouvidakis hija ċerta minn dak li se tagħmel dan ma jgħoddx għal ħafna Griegi li matul din il-ġimgħa kienu inċerti dwar kif se jitfgħu l-vot tagħhom. Is-sit Bloomberg ikkwota diversi persuni fil-Greċja li staqsew x’se jiġri wara l-vot, kemm jekk ir-riżultat ikun favur il-pjan Ewropew u anke jekk ikun kontra. Bosta qed jistaqsu x’jiġri jekk il-Greċja toħroġ miż-żona ewro u terġa’ ddaħħal il-munita Drachma.

Din l-inċertezza tiġi fiż-żmien ta’ biża’ li l-pajjiż jista’ jfalli u wara li ma ħallasx madwar €1.6 biljun lill-kredituri tiegħu. Ir-riżultat tal-lum jista’ jitqies bħala wieħed favur jew kontra l-ewro, jekk mhux ukoll l-UE u jista’ jitqies ukoll bħala termometru tat-tmexxija tal-Prim Ministru Tsipras li f’każ ta’ vot IVA jkollu jiffaċċja dilemma dwar jekk jibqax jew le fit-tmun tal-pajjiż.

More in Politika