L-emendi fil-liġi taċ-ċensura se jfissru li persuna se tkun tista tiftaħ ħanut li jibiegħ oġġetti wżati għas-sess jew anke post fejn jintwerew films pornografiċi. Dan hekk kif din ir-riforma se tinkludi bidliet li jippermettu li tintwera' pornografija ordinarja imbasta ma tkunx fil-preżenza ta' minorenni u ma tkunx tinkludi produzzjonijiet ta' bestjalita', pornografija tat-tfal jew vjolenza.
Dan ifisser li s-saga taċ-ċinema fil-Belt magħruf bħala is-City Lights, anke jekk illum il-post tilef kull użu tiegħu minħabba l-pornografija onlajn, se tiġi fi tmiemha. Ta' min ifakkar li sa l-2009 Alex Baldacchino ta' 67 sena, il-propjetarju taċ-ċinema, kien mressaq il-Qorti u akkużat li wera' materjal pornografiku. Dakinhar huwa kien qal li ma jistax jifehm għalfejn kien arrestat meta l-pulizija kienu ilhom jafu bl-attivita' f'dan iċ-ċinema u meta wieħed jista jixtri materjal pornografiku anke mill-monti.
Sitt snin wara bidliet f'din il-liġi se jippermettu li titntwera' pornografija f'postijiet għall-adulti biss. U għalkemm l-idea ta' ċinema għas-sess tinstema' waħda aljena llum, f'diversi bliet fl-Ewropa ħwienet tas-sess jistgħu juru films pornografiċi.
Intant din il-liġi qed tiddikriminalizza l-vilifikazzjoni reliġjuża, li tfisser li kieku dawk il-persuni li libsu ta' xi soru jew ta' ġesu waqt il-karnival kellhom jerġgħu jagħmlu dan wara li jsiru bidliet fil-liġi, dawn ma jkunux arrestati.