Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol dalgħodu nieda white paper illi fiha qed jagħmel 17-il rakkomandazzjoni għal dawk li jaħdmu mat-tfal. Fost dawn hemm propost illi jkun hemm aċċess aktar faċli minn dawk li qed japplikaw għal impjieg kif ukoll min dawk li jħaddmu għar-reġistru għall-protezzjoni tat-tfal.
Dan ir-reġistru jkollu fih informazzjoni bl-ismijiet ta' dawk li jkunu wettqu reat fil-konfront tat-tfal bħal pedofelija, abbuż u anke fastidju. Dan ir-reġistru mhux wieħed aċċessibbli għall-publiku.
Il-Gvern qed jipproponi li aċċess aħjar ifisser li impjegat prospettiv f'qasam li jitratta t-tfal ikun jista jakkwista ċertifikat li juri li ismu mhux fuq ir-reġistru. Jekk jkun aktar aċċessibbli dan ikun ifisser li jonqsu l-ispejjeż ukoll għal min iħaddem u jservi ta' detereent għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol f'dan il-qasam u jkollhom passat dubjuż.
Din hija waħda minn ħafna proposti fejn il-Gvern qed jipproponi li jkun aċċertat livell ta' skrutinju iebes ħafna u taħriġ matul is-snin li persuna tagħmel fil-karriera tagħha mat-tfal biex ikun minimizzat il-prospett ta' abbuż.
Il-Ministeru jagħmilha ċara illi filwaqt li l-maġġoranza assoluta ta' dawk li jaħdmu mat-tfal huma nies professjonali li jagħtu ħafna minn ħinhom b'dedikazzjoni, l-White Paper qed tattakka lil dawk il-ftit illum jew għada li qegħdin jew jistgħu jkunu ta' periklu.