Alfred Sant ibassar "terremot politiku" fil-Greċja
Jgħid illi kieku l-ftehim sar snin ilu kien ikun hemm kolp ta' stat fil-Greċja
More in Politika
Jgħid illi kieku l-ftehim sar snin ilu kien ikun hemm kolp ta' stat fil-Greċja
Il-Kap tad-delegazzjoni Laburista Maltija fil-Parlament Ewropew qal li l-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żona ewro u l-Greċja probabbilment se jkun ta’ dannu għat-‘timbru’ tal-ewro għal tul ta’ żmien. Dr. Sant, li kien qed jirreaġixxi fi Brussell għall-aħħar żviluppi dwar il-kwistjoni tal-Greċja, qal li bil-ftehim mal-Greċja, il-mexxejja tal-pajjiżi taż-żona ewro rnexxielhom iżommu għaqda bejniethom, anki jekk b’mod superfiċjali biss, biex iżommu ħajja d-dogma li sħubija fl-ewro hija irriversibbli, u fl-istess ħin jieħdu dak li hu tagħhom akkost ta’ kollox.
Dr Sant qal li jekk il-ftehim jibqa’ għaddej, l-istati taż-żona ewro jkunu qed iniżżlu self fil-bilanċi tagħhom li ma jistax jitwettaq, mingħajr il-ħtieġa li għalissa jiktbuh. Madanakollu, aktarx li l-problema se terġa’ tinqala’ fil-futur qarib.
‘Għal din ir-raġuni, għandi dubji serji jekk dan il-ftehim jagħmilx sens tekniku għal dawk kollha kkonċernati. Għandi dubji wkoll jagħmilx sens ekonomiku u soċjali għall-Greċja. Żgur li fil-Greċja il-ftehim se jqajjem terremot politiku. Il-mod umiljanti li bih il-Greċja ċediet parti sostanzjali mis-sovranita` tagħha lil ‘imsieħba’ tagħha, fi żminijiet oħra aktarx li dan kien iqajjem kolp ta’ stat militari. ‘Ninsab infurmat pero’ li l-armata Griega llum ma għadhiex temmen li hija l-aħħar sinsla tad-dinjita` tan-nazzjon meta l-klassi politika ma twettaqx.’ Qal Dr. Sant.
Dr Sant qal li l-Greċja qed tkun imġiegħla twettaq inizjattivi radikali malajr wisq. ‘Ma nistax nara kif il-magna tal-amministrazzjoni pubblika u s-settur privat se jirnexxielhom iżommu dan il-pass. Dan kollu ma għandu xejn x’jaqsam ma’ li tafda jew ma tafdax. F’termini ekonomiċi, l-ordnijiet neo-liberali li qed ikunu sfurzati fuq il-Greċja aktarx mhux se jirnexxielhom joħolqu l-impjiegi, kemm fl-immedjat u kemm fil-futur.’
Dr Sant qal li din kienet il-lezzjoni tal-Portugall u tal-Irlanda. Filfatt, minħabba d-‘deadlines’ li ngħataw għall-privatizzazzjoni, se jikbru r-riskji li se jkun hemm min jipprofitta ruħu mis-sitwazzjoni. ‘Intant it-tbatijiet soċjali wkoll se jkomplu jikbru għaliex, għal darb’oħra, il-klassi ta’ taħt u dik medja tal-popolazzjoni Griega se terfa’ t-toqol kollu.’ enfasizza Dr Sant.