Ta' Giorni hija "l-ifqar" parti ta' San Ġiljan

Rapport mill-Caritas dwar il-komunita' ta' San Ġiljan juri li 21% tar-residenti Ġiljaniżi ma jifilħux iħallsu għal "spiża mhux mistennija" u 18% m'għandhomx biżżejjed flus biex isaħħnu darhom

Mhux kull ma jleqq hu deheb ... wara d-dwal u l-lussu f'San Ġiljan jeżisti l-faqar ukoll.
Mhux kull ma jleqq hu deheb ... wara d-dwal u l-lussu f'San Ġiljan jeżisti l-faqar ukoll.

Minn 105 familji li l-Caritas intervistati f'San Ġiljan, bħala parti minn studju bil-għan li jintlaħqu l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjeta' jirriżulta li Ta' Giorni hija l-ifqar żona f'San Ġiljan. L-istudju jiżvela kif dawk fi żvantaġġ jew f'sitwazzjoni ta' faqar huma aktar hawnhekk minħabba li wieħed isib aktar romol bi dħul baxx, koppji anzjani jew sitwazzjonijiet fejn ir-raġel ikun ilu jirreġistra għal żmien twil filwaqt li l-mara ma taħdimx.

Għalkemm il-maġġoranza tar-residenti intervistati ma jidhirx li għandhom problema ta' faqar jew li humaneqsin  materjalment xorta hemm persentaġġ qawwi ta' Ġiljaniżi li ma jkunux jistgħu jaffordjaw spiża jekk ma tkunx mistennija. Fil-fatt 21% qalu li ma jkunux jistgħu jħallsu spejjeż li jseħħu f'daqqa waħda.

Minkejja li din il-belt ħdejn il-baħar hija sinonima man-negozju, flus u l-aqwa lukandi fil-pajjiż 18% tal-Ġiljaniżi m'għandhomx biżżejjed flus biex isaħħnu darhom u 12% m'għandhomx biżżejjed flus biex jieklu laħam jew proteini, sa tliet darbiet f'ġimgħa. Intant 22% ma jaffordjawx jieħdu vaganza barra mill-pajjiż tal-anqas darba f'sena. 

 

More in Politika