[Aġġornat] Il-Ministru Cardona jippublika l-kuntratt tal-kiri u jisfida lill-PN biex jirtira l-allegazzjonijiet

..... jgħid li l-PN għandu "jiddisassoċja ruħu minn mal-blogger Daphne Caruana Galizia"

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar ċaħad l-akkużi malafamanti tal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami li "nqeda bl-immunità' Parlamentari biex jirrepeti fil-Parlament informazzjoni skorretta li ppubblikat il-blogger Daphne Caruana Galizia, li issa huwa ċar aktar minn qatt qabel, li hija assoċjata direttament mal-Partit Nazzjonalista".

Il-Ministru Chris Cardona qed jippubblika l-kuntratt ta’ kiri ta’ one-bedroom flat ta’ inqas minn 100 metru kwadru f’San Ġiljan, fil-kumpless Portomaso, li tiegħu jħallas Eur 1,400 fix-xahar. Il-prezz għal dan it-tip ta’ flat huwa prezz average għal post ta’ dan it-tip, kif jista’ jiġi vverifikat indipendentament. Il-kuntratt daħal fis-sehh fl-1 ta’ Dicembru 2014, għal perjodu ta’ 10 xhur.

L-istqarrija ta' Cardona tkompli tgħid li "kuntrarjament għall-gideb ripetut mill-Oppożizzjoni u n-nies qrib tagħha, il-persuna li qed tikri dan il-flat lill-Ministru Cardona mhijiex parti mill-konsorzju li għandu x’jaqsam mal-bini tal-power station. L-Oppożizzjoni qed terġa’ tirrepeti akkużi u tassoċja ruħha mal-blogger li hija magħrufa ghall-mod kif titfa’ velenu u allegazzjonijiet serji mingħajr provi" sostna Cardona.

Huwa sostna lu dan imur kontra r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-telfa tal-Partit Nazzjonalista li kien jgħid “Iżda ħafna ħassew li l-Partit Nazzjonalista messu fittex li b’mod repetut jiddiżassoċja ruħu min dawn il-blogs meta dawn kienu jinkludu kummenti ta’ natura personali.”

L-istqarrija ta' Cardona ttemm tgħid li "Issa l-Oppożizzjoni għandha jkollha l-irġulija li tirtira l-allegazzjonijiet malafamanti u titgħallem tiddiżassoċja ruħha minn Daphne Caruana Galizia li hija magħrufa għal dawn it-tip ta’ attakki".

Il-PN jitfa' dubji fuq l-awtentiżita' tal-kuntratt

Intant il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami ġab fid-dubju l-awtentiċita' tal-kuntratt ippreżentat minn Cardona u saħaq li hemm ċerti klawżoli li huma neqsin u oħrajn li ma jagħmlux sens. Fosthom huwa sostna li qatt ma ra kuntratt tal-kiri li huwa validu għal 10 xhur u li l-pagament isir fl-aħħar u mhux xahar qabel jew wara. Fenech Adami saħaq li saħansitra, dan il-kuntratt ma jinkludix id-dettalji ta' min qed jikri l-appartament u l-persuna li se tkun qed toqgħod fih. 

Cardona jerġa jwieġeb

Intant fi stqarrija oħra l-Ministru Cardona qal li d-Deputat Kap tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami rrepeta allegazzjonijiet tal-blogger Daphne Caruana Galizia li ġew miċħuda lbieraħ u pprova jivvinta dubji ġodda. L-allegazzjonijiet ġew miċħuda u saħanistra ġie ppubblikat il-kuntratt tal-kiri. Dan effettivament xejjen kull spekulazzjoni bla sens li kienet qed issir.

L-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil issa fformalizzat l-assoċjazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-blogger Daphne Caruana Galizia.

Huwa sostna li jinsab iffukat fuq il-ħidma ministerjali tiegħu li flimkien mal-Gvern wasslet għall-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fiż-Żona Ewro, attirat lejn Malta numru bla preċedent ta’ proġetti b’investiment dirett barrani u klima ekonomika li wasslet biex it-tbassir ta’ Standard & Poor’s isir pożittiv minn wieħed stabbli.

More in Politika