Dar residenzjali ġdida għall-priġunieri fil-komunita'

Il-ftuħ tad-Dar Sister Maria Adele Baldacchino fil-Belt Valletta
Il-ftuħ tad-Dar Sister Maria Adele Baldacchino fil-Belt Valletta

Dalgħodu ġiet inawgurata dar residenzjali ġdida bl-isem ta’ Sister Maria Adele Baldacchino fil-Belt Valletta, li ser toffri servizz ta’ riabilitazzjoni għall-priġunieri fil-komunità. Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia flimkien mal-Fondazzjoni Rise nedew dan il-proġett u spjegaw li dan huwa ħolqa minn kullana ta’ inizjattivi favur il-ġustizzja riparatriċi  bil-għan li jkollna inqas rati ta’ reċidiviżmu u inqas vittmi ta’ reati kriminali.



Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Carmelo Abela tkellem li dan huwa l-ewwel programm residenzjali fil-komunità li jistgħu japplikaw għalih priġunieri inġenerali u mhux biss dawk li jbatu minn xi vizzju.  F’dan ir-rigward huwa semma’ ż-żieda fin-numru ta’ residenti li jsegwu programmi residenzjali fis-soċjetà li jsiru b’kollaborazzjoni ma’ aġenziji li joffru servizzi li jindirizzaw diversi vizzji. Filwaqt li fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2013 kien hemm medja ta’ disa’ priġunieri, fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2015 il-medja telgħet għal 22 priġunier. Huwa qal li minn Ġunju ta’ din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-aġenzija OASI f’Għawdex, beda jsir ukoll użu mis-servizzi tal- aġenzija msemmija li wkoll tindirizza diversi tipi ta’ vizzji fil-gżira Għawdxija.



Il-Ministru Abela ta rendikont tas-sistema tal-parole li l-għan tagħha huwa proprju r-ri-integrazzjoni tal-priġunieri fis-soċjetà. Huwa tkellem kif f’dawn l-aħħar sentejn u nofs kien hemm 261 applikazzjoni għall-parole. Inħarġu tnejn u erbgħin (42) liċenzja tal-parole fejn għaxra 10 ġew terminati b’suċċess. Żewġ liċenzji biss ġew revokati u waħda  ġiet sospiża. “Din l-istatistika tirrifletti kemm din is-sistema qed titħaddem bil-għaqal biex tilħaq bilanċ bejn il-ġustizzja ristorattiva u s-sigurtà tas-soċjetà”, qal il-Ministru Abela.



Huwa nnota li fl-istess perjodu kien hemm madwar mija wieħed u għoxrin (121) priġunier li ma kinux interessati li japplikaw għall-liċenzja tal-parole. Dan għaliex flimkien mas-sitema tal-parole preżentament is-sistema tar-remission, fejn priġunier awtomatikament jingħata sa massimu ta’ terz tas-sentenza f’remission, għadha eżistenti. B’hekk, il-Ministru Abela sostna li għandu jsir eżami taż-żewġ sistemi biex jara jekk wasalx iż-żmien li jsir xi tibdil legali biex tinstab l-aħjar sistema.



Il-Ministru Abela rringrazzja lill-priġunieri li ħadmu fuq din id-dar fil-qasam ta’ manutenzjoni permezz ta’ gwida mill-Uffiċjali Korrettivi u qal li dan huwa eżempju ieħor ta’ bżulija mir-residenti u ta’ ħidma pożittiva bejn iż-żewġ partijiet. Huwa esprima l-apprezzament tiegħu tax-xogħol siewi li qed tagħmel il-Fondazzjoni Rise u qal li l-Ministeru ser jagħti lill-fondazzjoni d-donazzjoni ta’ għaxart elef ewro sabiex jintużaw għal dan il-programm sal-aħħar tas-sena.



Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farruġia qal li għal dan il-għan il-Ministeru li jmexxi permezz tal-Awtorità tad-Djar, għadda din id-dar biex tintuża bħala residenza.

Għat-tliet snin li ġejjin, bi ftehim (Public Social Partnership) bejn il-Ministeru u l-Fondazzjoni Rise, il-Ministeru ser jgħaddi s-somma ta’ €180,000 fis-sena biex ikun jista’ jgħin lill-fondazzjoni sabiex jitħallsu l-pagi tal-professjonisti meħtieġa.


Il-Ministru Farrugia qal li dan kollu qed isir biex inniżżlu r-rata ta’ reċidività u b’hekk nevitaw li jkollna vittmi ġodda fis-soċjetà tagħna u naħdmu aktar favur il-komunità. Il-Ministru Farrugia temm jgħid li proġetti bħal dawn huma neċessarji sabiex jagħtu l-għodda meħtieġa lil nies vulnerabbli għal aktar empowerment f’ħajjithom u jgħixu ħajja indipendenti.



Dar Sister Maria Adele Baldacchino ddedikata għas-sister li hi meqjusa bħala l-Omm tal-priġunieri, se tilqa’ fiha għaxar residenti  mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jkunu fl-aħħar tnax-il xahar tas-sentenza tagħhom jew li jixtiequ japplikaw għall-parole. Fil-każ tal-aħħar, ikunu eliġibbli biex jagħmlu l-programm minn tnax-il xahar qabel id-data tal-eliġibilità tagħhom għall-parole. Immexxija mill-Fondazzjoni Rise, ir-residenti ser jgħaddu minn proċess ta’ tliet fażijiet. L-ewwel fażi se tkun pjuttost magħluqa u fiha permezz ta’ persuni professjonali se jindirizzaw ir-raġunijiet li wassluhom biex jagħmlu atti kriminali. Fit-tieni u t-tielet fażi r-residenti se jkunu qegħdin jiġu introdotti gradwalment lura fis-soċjetà bil-għan li qabel jitterminaw il-programm ikunu daħlu lura fid-dinja tax-xogħol.

More in Politika