Jidher li x-xellug safa' vittma għal darb'oħra, din id-darba ta' eks-Prim Ministru ta' partit li suppost jew tradizzjonalment huwa xellugi, Tony Blair. Fi twissija ċara lill-partit li hu kien imexxi u li daħħlu f'dik li kienet l-era tan-'New Labour' qal li jekk il-Labour ma jiġġilidx il-battalji politiċi tiegħu miċ-ċentru politiku se jiffaċċja diżastru u r-raba' telfa elettorali.
Blair, li rebbaħ lill-Labour tliet elezzjonijiet, qal dan hekk kif jidher li x-xellugi Jeremy Corbyn jidher fuq quddiem fit-tellieqa għal mexxej tal-partit wara telfa oħra li xkupat lil Milliband 'l barra mit-tmexxija. Il-Labour sofra telfa umiljanti, l-agħar fi 30 sena. Huwa qal lil dawk li għandhom qalbhom ma' Corbyn biex "jagħmlu trapjant".