45 minuta biex toħroġ mill-Qawra ... sitwazzjoni gravi tat-traffiku fit-tramuntana

Ilmenti wkoll minn sewwieqa li jridu jitilgħu lejn in-naħa ta' fuq mis-Swieqi u San Ġiljan ... problemi oħrajn ta' traffiku lejn tal-Balal

Parti miż-żona fil-Qawra fejn it-traffiku dalgħodu kien f'sitwazzjoni gravi
Parti miż-żona fil-Qawra fejn it-traffiku dalgħodu kien f'sitwazzjoni gravi

Is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar ħdejn ir-rawndebawt tal-Erba' Mwieżeb hija waħda gravi ħafna. Kienu bosta dawk li kellmuna permezz ta' Facebook, ċemplulna jew jaħdmu mal-ILLUM stess illi qassmu l-esperjenza xejn pjaċevoli tagħhom ta' ħinijiet twal iġġamjati fit-traffiku.

Minn ħdejn il-lukanda Sunny Coast fil-Qawra sar-rawndebawt msemmija persuna li tkellmet ma' dan is-sit spjegat kif damet 45 minuta maqbuda f'serbut twil ta' karozzi. Normalment kemm jekk b'karozza, kif ukoll jekk bit-trasport pubbliku din il-parti tal-vjaġġ ma tieħux aktar minn 5 minuti. 

It-traffiku huwa kostanti u prattikament din il-parti ta' Malta, dalgħodu żgur, kienet iġġamjata kompletament bit-traffiku lejn Burmarrad, traffiku fil-bypass ta' San Pawl, int u nieżel lejn l-Erba' Mwieżeb, traffiku mill-Qawra għall-istess rawdebawt u traffiku fil-parti tat-triq tal-kosta ma' Kennedy Grove.

Huwa mifhum li din is-sitwazjoni qed tinħoloq hekk kif partijiet minn Triq il-Kosta jinsabu magħluqin, hekk kif għaddejjin xogħol fuqhom. Wieħed irid jiftakar ukoll li f'dan il-perjodu tas-sena l-popolazzjoni ta' San Pawl, Buġibba u l-Qawra tisplodi u iktar milli tirdoppja. 

Apparti dan hemm traffiku b'karozzi li qed jippruvaw jitilgħu n-naħa ta' fuq minn tas-Sliema, Swieqi u San Ġiljan u traffiku pjuttost problematiku n-naħa ta' Tal-Balal, San Ġwann. 

More in Politika