Inqas minn ġimgħa wara li Beppe Fenech Adami stqarr mal-ILLUM li “ma jaf b’ebda każ ta’ persuna (fil-PN) li gawdiet minn art, flus, donazzjonijiet ma’ Gaffarena,” llum il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista m’eskludiex li dan jista’ jkun il-każ.
F’konferenza stampa, Fenech Adami qal li matul il-kariga tiegħu bħala viċi kap huwa “ma jafx li Gaffarena tah xi donazzjonjiet."
“Però, jekk fil-passat Gaffarena ta xi donazzjonjiet lill-Partit Nazzjonlista ... u ma neskludiex dan, il-prinċipju kardinali jibqa’ illi minkejja li Gaffarena seta’ ta xi donazzjoni lill-Partit Nazzjonslita, huwa baqa’ mingħajr permess,” Fenech Adami qal filwaqt li insista li qatt ma kien hemm ftehim bejn il-PN u Gaffarena.
Huwa spjega kif kuntrarjament, fl-2014, il-Gvern Laburista tah lil Gaffarena, l-permess għall-petrol station tiegħu f’Ħal-Qormi. “Gaffarena ma kienx sodisfatt b’dan, ried aktar, u sussegwentament għamel miljun ewro mill-esproprijazzjoni fi Strada Zekka.”
F’ reazzjoni għal dak li ntqal dalgħodu, l-Partit Laburista sejjaħ sabiex il-PN jgħid x’inhuma r-rabtiet tiegħu mal-persuni li qed jgħajjar, inklużi l-familja Gaffarena.
Illum, l-Orizzont qalet li l-viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami kiel f’aktar minn okkażjoni waħda ma’ Mark Gaffarena u li xi drabi kien preżenti ukoll Jeffrey Pullicino Orlando, b’dan l-aħħar jikkonferma dan f’kummenti mal-istess gazzetti. Aktar minn hekk, Joe Gaffarena qal li l-eks-ministru tas-saħħa Nazzjonalista Joe Cassar kien organizza laqgħa bejn Gaffarena u Simon Busuttil, u li Cassar talab lil Gaffarena biex iġib xi karti “biex jintużaw kontra John Dalli.” Madankollu, dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħuda mill-Partit Nazzjonalista.
Minkejja dan, il-Partit Laburista saħaq li Gaffarena huwa qrib ta’ nies li huma qrib ta’ Busuttil u tal-Partit Nazzjonalista.
“Jirriżulta li din ir-relazzjoni kienet waħda ħafna iktar mill-qrib milli l-PN iridna nemmnu.”
“Huwa ċar li Simon Busuttil kien qed jaħbi l-fatt li saret laqgħa fl-uffiċċju tiegħu fejn intqal diskors li qatt ma ried li joħroġ. Kieku ma kienx hekk, u ma kellux x’jaħbi, kien jiddikjaraha mill-ewwel.”
“Biex jitfgħu allegazzjonijiet bl-addoċċ u ħmieġ, Simon Busuttil u l-Partit tiegħu jiġu l-ewwel. Wasal iż-żmien li flok konferenzi stampa fejn jitfgħu l-ħmieġ Busuttil u l-PN għandhom jagħmlu konferenza stampa biex jitfgħu ftit dawl fuqhom infushom. U għandhom ħafna x’jispjegaw,” tenn jgħid il-Partit Laburista.
F’intervista li dehret fil-ġurnal ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, Fenech Adami stqarr li hu ma jaf b’ħadd fil-PN li “ftit jew ħafna” gawda ma’ Gaffarena. Dan il-ġurnal għalhekk irrimarka illi jekk, skont kif qed jiddeskrivieh hu stess, Gaffarena dejjem “jiġi lura għal aktar” dan bilfors kien qed jagħmel l-istess fis-snin (madwar 20 sena) li hu flimkien mal-familja kollha tiegħu kienu jappoġġjaw lill-PN. F’dan il-punt Fenech Adami qal hekk; “jien ma naf b’ebda każ, ftit jew ħafna, ta’ persuna (fil-PN) li gawdiet minn art, flus jew donazzjonijiet ma’ Gaffarena”.
Il-Viċi Kap tal-PN ċaħad ukoll li qatt kien hemm xi “ħbiberija” bejnu u Gaffarena u meta mistoqsi dwar l-akkuża li Gaffarena kien għenu biex joħorgu minn xi problema huwa qal mal-ILLUM “m’għandix idea fuq xiex qed jitkellem. Jien qatt ma kelli nkwiet ma’ ħadd. M’għandix idea.”