300 tarbija jingħataw kura fl-ITU tat-tfal
More in Politika
Bejn 300 u 350 tarbija kull sena jingħataw kura fl-NPICU, l-ITU tat-tfal. Dan qalu Dr Paul Soler resident consultant fl-NPICU, waqt attivita li matulha ġiet preżentata magna ġdida għal din it-taqsima mill-Fondazzjoni Qalb it-Tfal.
Il-Fondazzjoni Qalb it-Tfal immexxija minn Roderick u Liliana Cachia tellgħet diversi attivitajiet fejn matulhom ġabru fondi biex ikunu jistgħu jixtru Cooling Cap System għal NPICU. “Erba’ snin ilu kellna tewmin, Pietru u Emilja Mari li twieldu qabel iż-żmien. Kienu jiżnu madwar 800 gramma, inqas minn kilo kull wieħed. Ghall-erba’ xhur sħaħ għexna f’dan id-Dipartiment. Kien grazzi għat-tim ta’ nies li jaħdmu hawn fosthom, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li opera lil ibni, li illum uliedna għandhom erba’ snin u jinsabu qawwijin u sħaħ,” qal Roderick.
Minn dak iż-żmien nibtet fil-koppja Cachia x-xewqa li jibqgħu jgħinu dan id-Dipartiment u kienu staqsew lil Dr Paul Soler biex jigwidhom f’dak li d-Dipartiment għandu bżonn.
F’kumment li għamel waqt l-attivita, is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li kemm ilu li ħalla l-professjoni medika għal dik politika hemm żewġ affarijiet li jimmissja l-aktar li huma li jopera u l-ħidma fl-NPICU. “Id-dedikazzjoni li jaħdmu biha l-istaff hawnhekk jiġbdu l-qlub, kull infermiera tieħu ħsieb lil dawn it-trabi daqslikieku kienu tagħha,” qal Fearne.
“Ġest bħal tal-lum mhuwiex sabiħ biss għall-fatt li ngħata apparat bżonnjuż u li jiswa l-flus, iżda wkoll għax huwa ġest li juri l-apprezzament lil dawn il-ħaddiema li jagħmlu xogħolhom b’tant dedikazzjoni,” żied is-Segretarju Parlamentari.
Dr Soler spjega li l-cooling cap system li tiswa madwar €20,000, tintuża f’każijiet fejn ikun hemm kumplikazzjoni waqt it-twelid ta’ tarbija, tintuża biex il-moħħ jerġa’ jibda jħaddem il-funzjonijiet normal tiegħu u tnaqqas ir-riskju li ssir ħsara fil-moħħ, ikkawżata minn brain asphyxia. Huwa stmat li bejn erba’ u sitt trabi kull sena jkollhom dawn it-tip ta’ kumplikazzjonijiet waqt it-twelid.