Bormla kienet l-għażla tan-nies
Siti alternattivi li ġew proposti għall-università jinkludu ċ-ċentru miftuħ tal-immigranti fil-Marsa, iż-żona tal-boathouses fil-bajja ta’San Tumas, widien, u anke barrieri.
minn Daniel Mizzi
Is-sit tal-Baċir numru wieħed f’Bormla li, flimkien maż–Żonqor f’Marsaskala, se jiġi żviluppat fl-Università Amerikana ta’ Malta, kien wieħed mill-proposti tal-poplu Malti għal sit alternattiv waqt il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.
Fil-fatt il-Baċir kien wieħed minn 169 sit propost bħala sit alternattiv minn dak original fiż-Żonqor, wara kritika qawwija mis-soċjetà ċivili u l-ambjentalisti minħabba li kien se jsir bini fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).
Fost is-siti proposti li spikkaw l-aktar, hemm iċ-ċentru miftuħ tal-immigranti fil-Marsa, iż-żona tal-boathouses fil-bajja ta’San Tumas, il-powerstation il-qadima tal-Marsa, il-hockey pitch f’Kordin, widien, u anke barrieri.
Madankollu, il-maġġoranza ta’ dawn is-siti ma kinux ikkunsidrati jew għax kienu żgħar wisq jew għax kienu allokati għal użu ieħor. Oħrajn bħal Wied Fulija u Wied Moqbol fiż-Żurrieq ġew skreditati mill-Gvern minħabba l-impatt negattiv fuq l-ambjent li setgħu jħallu. Oħrajn ġew skreditati minħabba li ma kienx hemm aċċess tajjeb biżżejjed.
Skont ir-rapport ta’ evalwazzjoni għal sit alternattiv li preżenta l-Gvern aktar kmieni dil-ġimgħa, diversi siti, fosthom dawk f’Għawdex, il-White Rocks f’Baħar iċ–Ċagħaq, l-Imrieħel u l-Isptar San Luqa fil-Pietà, ma ġewx magħżulin għax ma kinux fin-Nofsinhar ta’Malta. Ta’ min ifakkar kundizzjoni li poġġa l-Gvern qabel ma beda l-proċess ta’ konsultazzjoni kien li l-proġett isir fin-Nofsinhar ta’Malta.
L-ebda wieħed mis-siti proposti ma kienu kbar biżżejjed biex fihom tiġi żviluppata l-Università kollha, u għaldaqstant, ġie deċiż li l-Università Amerikana tiġi maqsuma fuq tal-inqas żewġ siti.
Università mill-Kalkara sax-Xgħajra
Fost is-sottomissjonijiet finali li ġew ikkunsidrati mill-Gvern, membri tal-pubbliku proponew li l-Università tiġi żviluppata f’erba’ fortifikazzjonijiet u binjiet storiċi tul Marsaxlokk iżda din il-proposta ġiet miċħuda hekk kif kienet tirrikjedi l-iżvilupp ta’ aktar minn 16,000 metru kwadru fuq art ODZ, u kienet fuq żona ta’ importanza ekoloġika. Bl-istess mod, barriera abbandunata f’Ħal Tarxien ma kinitx ikkunsidrata bħala ideal għall-Università għax is-sit huwa iżgħar mid-daqs meħtieġ u għax huwa allokat għal triq.
Skont l-istess rapport, il-Gvern kien għalhekk bejn ħalltejn; bl-ewwel pjan jipproponi università maqsuma fiż-Żonqor u Bormla, u t-tieni jipproponi università maqsuma f’ħames fortifikazzjonijiet misjuba tul il-kosta tal-Kalkara u x-Xgħajra.
Dan tal-aħħar kien jinvolvi l-firda tal-Università Amerikana ta’Malta f’ħames siti differenti, bil-partijiet ikunu mifruxa f’Forti Rikazoli, Forti Rinella, Forti Santu Rokku, Forti San Leonardu u l-Batterija Delle Grazie. Skont ir-rapport, dan l-iżvilupp seta’ jippreżenta oppurtunità tad-deheb sabiex din l-art ta’ iktar minn 200,000 metru kwadru tiġi żviluppata u sabiex ikun hemm riġenerazzjoni ta’ bini kulturali. Madankollu, dan il-pjan ma ġiex magħżul għax kien ikun hemm bżonn ta’ infrastruttura ġdida, u kif ukoll possibilità tat-tneħħija ta’ bini kulturali.
Għaldaqstant, skont is-sottomissjonijiet finali ta’ dan ir-rapport, kien baqa’ biss żewġ siti alternattivi oħra: il-pixxina fiż-Żonqor u l-Baċir numru wieħed f’Bormla.
Kif diġà ħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Prim Ministru Joseph Muscat, din l-għażla kienet finali. Muscat qal ukoll li peress li ż-żoni ma kinux kbar biżżejjed sabiex tiġi żviluppata l-Università, parti minnha se tiġi żviluppata fuq art barra mill-iżvilupp (ODZ). Ġie mħabbar ukoll li l-Università se tiżviluppa 18,000 metru kwadru ta’ art ODZ – 80% inqas minn dak propost f’Mejju, u li mhux se tintuża art privata.
Skont il-qbil bejn il-Gvern u l-iżviluppaturi tal-Università, żewġ fakultajiet se jiġu mibnija fil-bini tal-Kavallieri u dak Ingliż tul il-Baċir, filwaqt li se jinħolqu 150 parkeġġ ġdid.
Mistennija tiġġenera sa massimu ta’ €85 miljun fis-sena
Intant, skont l-istudju dwar l-impatt ekonomiku, il-proġett tal-Università Amerikana ta’ Malta mistennija tiġġenera bejn €48 u €85 miljun fis-sena fl-ekonomija Maltija. Aktar minn hekk, il-proġett mistenni jiswa €104 miljun u sat-tmien sena, in-numru ta’ studenti mistenni jkun dak ta’ 4,000, li 3% minnhom mistennija jkunu Maltin.
Fl-ewwel sena, l-Università mistennija tilqa’ 120 student, liema numru mistenni jitla’ sa 1,920 student fil-ħames sena u 4,000 fit-tmien sena. Bl-istess mod, in-numru ta’ studenti Maltin, għalliema, u turisti mistenni jitla’ tul is-snin. Sal-ħames sena, kull student huwa mistenni li jonfoq iktar minn €18,000 fis-sena fi spejjeż.
Sal-ħames sena l-infiq dirett mistenni jitla’ sa €53 miljun u 110 miljun sal-għaxar sena. Mistennija jintefqu wkoll €85 miljun fi spejjeż ta’ kostruzzjoni, operazzjoni u riżorsi umani. Mistenni wkoll jintefqu €78 miljun xogħol f’kostruzzjoni, 470 impjieg fl-operat tal-Università, u 500 gradwat Malti sat-13-il sena ta’operat.