[Filmat] Inawgurat il-Valletta International Visual Arts Festival (VIVA) 2015

Parti mill-festival VIVA bi preparazzjoni
Parti mill-festival VIVA bi preparazzjoni

L-edizzjoni tal-2015 tal-Valletta International Visual Arts Festival (VIVA) ġiet inawgurata dalgħodu mill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali l-Onor. Dr Owen Bonnici u minn Dr Raphael Vella, id-direttur artistiku ta’ VIVA. It-tnedija saret f’waħda mill-wirjiet bl-isem ta’ Beltin ta’ Zvezdan Reljic, li hija dwar nies mill-Belt jew li għandhom xi rabta magħha. VIVA se jkun miftuħ għall-pubbliku fil-31 ta’ Awwissu, b’xi wirjiet li se jibqgħu miftuħin sas-6 ta’ Novembru.

 

L-Onor. Dr Owen Bonnici qal li, “Din is-sena inkomplu niżviluppaw fuq is-suċċess tas-sena l-oħra u nifirxu iktar dan il-festival – għandna x-xorti li għandna firxa sabiħa ta’ artisti Maltin u Għawdxin żgħażagħ u stabbiliti li qed jaħdmu flimkien u maġenb artisti internazzjonali – b’dan qed jinħolqu sinerġiji u kollaborazzjonijiet interessanti ħafna li filfatt qed naraw ir-riżultati tagħhom madwarna.  Dan kollu huwa sinjal tajjeb għall-futur professjonali tal-artisti lokali kollha fi ħdan kuntest nazzjonali u internazzjonali.

 

Dr. Raphael Vella żied jgħid li, “Din is-sena, VIVA huwa iktar komprensiv u inklussiv. Enfasizzajna iktar fuq il-komunitajiet fil-Belt, b’films f’bini residenzjali u wirjiet li jifhmu r-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn in-nies. Għandna wkoll programm edukattiv li jilħaq iktar membri tal-pubbliku u li jinvolvi nies minn setturi differenti b’mod iktar dirett fl-iżvilupp tal-għarfien.”

 

Il-programm ta’ din is-sena fih għadd ta’ avvenimenti. Il-wirjiet jinkludu ‘Culture of Ageing, proġett b’ħafna profili li jiffoka fuq il-vjaġġ lejn l-anzjanità, ‘Good walls make good neighbours’, li jiffoka fuq l-ispazji pubbliċi u privati, kif ukoll wirja kollettiva tal-arti bil-vidjow dwar il-Palestina, fost l-oħrajn. Divergent Thinkers, grupp magħmul minn artisti lokali żgħażagħ, li jinsab issa fir-raba’ edizzjoni tiegħu u li huwa parti mill-programm ta’ Empowerment tal-Aġenzija Żgħażagh, se jerġa’ jkun inkorporat fil-programm ta’ VIVA, din is-sena bit-tema ‘Connect’ (Ikkonnettja).

 

VIVA jinkludi wkoll stallazzjonijiet tal-arti bħal ‘Position of Opposition (Hands Down)’ mill-artist lokali Aaron Bezzina, kif ukoll ‘unLOCK’, stallazzjoni mtellgħa mill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kkoordinata minn Pierre Mifsud.L-avvenimenti se jsiru f’lokalitajiet differenti madwar il-Belt Valletta bħal Misraħ ir-Repubblika, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Bini Camarata, Triq Melita u l-Iskola tal-Arti ta’ Malta.

It-tieni edizzjoni tal-Iskola Kuratorjali, li se sseħħ fl-Università ta’ Malta – il-Kampus tal-Belt Valletta mill-31 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru, se jkollha professjonisti internazzjonali mill-industrija tal-arti kuratorjali li se jagħtu taħdidiet u workshops matul il-ġimgħa kollha. Il-programm tat-taħdidiet huwa mmirat għall-akkademiċi u l-istudenti li l-istudji tagħhom huma relatati mal-qasam tal-arti. VIVA huwa koorganizzat mill-Fondazzjoni Kreattività, mill-Fondazzjoni Valletta 2018, mill-Kunsill Malti għall-Arti u minn Aġenzija Żgħażagħ. Iktar informazzjoni tinstab fuq www.viva.org.mt

 

Filmat ta' Ray Attard dwar il-Festival VIVA bil-kummenti tal-Ministru Owen Bonnici

More in Politika