[Aġġornata] Sa 4% biss tas-servizz tat-trasport pubbliku qed jopera - Tony Zarb

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jgħid illi l-maġġranza assoluta tal-ħaddiema qed isegwu l-istrajk

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU f'kummenti mal-illum.com.mt qal illi l-maġġoranza assoluta tax-xufiera qed isegwu l-istrajk, fil-fatt huwa sostna ma' dan is-sit illi sa' 4% biss tas-servizz qed jaħdem mill-Belt, Marsa u ċ-Ċirkewwa.

L-istrajk qed jissejjaħ mill-GWU wara li laqgħa ta' tliet siegħat ma' ħalliet ebda frott bil-kwistjoni kollha ddur mal-ħinijiet tal-brejks u r-rosters tal-ħaddiema. 

Intant, il-Malta Public Transport filwaqt li esprimiet id-dispjaċir għall-inkonvenjent li nħoloq għall-pubbliku, waqt li qalet li missu kien hemm avviż minn qabel ta' dan l-istrajk sabiex min jiddependi mis-servizz ikun jista' jagħmel l-arranġamenti neċessarji.

Il-kumpanija qalet li kienet ilha għaddejja bid-diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv mal-GWU għal dawn l-aħħar erba' xhur. Minn dan il-ftehim, kompliet tgħid il-MPT, il-pubbliku għandu jibbenefika mir-rotot il-ġodda kif ippjanati mill-Gvern. Minbarra dan, l-impjegati għandhom jibbenefikaw ukoll minn kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar.

Il-kundizzjonijiet li kienet ipproponiet il-kumpanija kienu aċċettati mill-istess Union waqt in-negozjar, kompliet issostni l-MPT. Dawn l-istess kundizzjonijiet imsemmija huma konformi mal-liġijiet tax-xogħol lokali u Ewropej. Il-kumpanija kienet aċċettat ukoll li dawn il-kundizzjonijiet jiġu implimentati. Issa, l-Union ippreżentat proposti ġodda li huma ferm differenti minn dawk li ġew diskussi u aċċettati inizjarjament tul id-diskussjonijiet.

Tul il-laqgha tal-bieraħ filgħaxija bejn iż-żewġ partijiet. fejn il-Ministru Joe Mizzi kien qed jassumi l-irwol ta' medjatur, il-Union talbet diversi bidliet li insistiet li jidħlu fis-seħħ b'effett immedjat.

Il-kumpanija kompliet tgħid li kellha tara dawn il-proposti u tara x'se jkunu jfissru għaliha, waqt li insistiet li l-Union trid tifhem li dak li ma sarx f'4 xhur, ma jistax isir fi 48 siegħa.

Il-kumpanija qalet ukoll li l-istrajt tal-lum jeħtieġ li jsir skont il-liġi, jiġifieri li tal-inqas 50% tas-servizz għandu jingħata lil pubbliku. Il-kumpanija temmet tgħid li tappella biex l-Union twaqqaf l-istrajk u tmur lura għan-negozzjar għall-ġid tal-pubbliku ġenerali.

Min-naħa l-oħra, il-UĦM ukoll ingħaqdet mal-GWU u qalet li, "Il-UĦM ser tkun qed tappoġġa għal darb’oħra l-għajta tal-ħaddiema ġewwa l-MPT (Autobuses de Leon) sabiex ikollhom kundizzjonijiet aħjar, madankollu tistenna li dawn il-kundizzjonijiet jinbidlu mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn."

More in Politika