80% tal-qarrejja ma jemmnux lill-PN dwar il-kontijiet

Ix-shadow minister tal-enerġija Marthese Portelli tgħid li l-Gvern “m’għamel xejn biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl” u li r-roħs kien grazzi għall-proġetti tal-PN

Il-maġġoranza assoluta tal-qarrejja li pparteċipaw fli stħarriġ fuq is-sit illum.com.mt ma tantx dehru konvinti bil-proposta tal-mexxej tal-PN sabiex ikun hemm roħs fil-kontijiet tad-dawl u sostnew li minkejja li vera kien hemm roħs fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt, l-Oppożizzjoni m’għandix kredibbilità biex titlob traħħis.

Fil-fatt, 81% tal-qarrejja li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ, ippuntaw subgħajhom lejn in-nuqqasijiet ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti preċedenti u nsistew li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl kellu jiġi implimentat meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern.

Dan il-ġurnal għamel dan l-istħarriġ fl-isfond tal-appelli tal-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, tal-General Retailers and Traders’ Union (il-GRTU), u mill-Kamra tal-Kummerċ, li l-Gvern għandu jraħħas il-kontijiet tad-dawl lil hinn mill-25% li diġà daħħlet fis-seħħ.

L-appell għar-roħs fil-kontijiet tad-dawl ġie mtenni wkoll mix-shadow minister għall-Enerġija, Marthese Portelli, li mal-ILLUM saħqet li l-Prim Ministru Joseph Muscat qarraq bil-poplu u li l-Gvern “m’għamel xejn biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl.”

“Qabel l-elezzjoni, Joseph Muscat qal li biex iraħħas it-tariffi se jkollu jibni power station ġdida f’sentejn, u li jekk din ma tinbeniex, huwa jirriżenja. Apparti li dan ma seħħx, issa qed toħroġ il-verità għax biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl m’hemmx bżonn power station ġdida iżda dan jista’ jseħħ grazzi għall-power station tal-BWSC li bdiet taħdem f’Diċembru 2012, l-interconnector ma’ Sqallija, u r-roħs drastiku fil-prezz internazzjonali taż-żejt,” Portelli qalet.

Eżerċizzju li għamlet din il-gazzetta li r-riżultati tiegħu qed jidhru fit-tabella hawn taħt, juri kif fil-fatt, skont l-aġenzji EIA (Energy Information Administration) u n-Nasdaq, il-medja tal-prezz internazzjonali taż-żejt raħas għal $56.25 matul l-ewwel tmien xhur tas-sena, filwaqt li f’Settembru, il-prezz niżel għall-medja ta’ $47.86 kull barmil.

Madankollu, bl-istess mod, il-prezz internazzjonali taż-żejt raħas ukoll taħt amministrazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, proprju bejn Novembru tal-2008 u Mejju tal-2008 il-prezz niżel sa $40 kull barmil u anke fis-snin ta’ qabel, kien hemm roħs sostanzjali fil-prezz. U għalhekk il-mistoqsija tiġi waħedha, għaliex il-Partit Nazzjonalista ma raħħasx il-kontijiet tad-dawl meta kien fil-Gvern hu?

Dan is-sentiment ġie mtenni wkoll min 81% tal-qarrejja li pparteċipaw fl-istħarriġ tal-illum.com.mt, li b’risposta għar-reazzjoni tagħhom dwar il-kredibbiltà tal-Oppożizzjoni meta jitkellem dwar roħs fil-kontijiet tad-dwal esprimew ir-rabja tagħhom għan-nuqqas ta’ azzjoni taħt amministrazzjonijiet preċedenti Nazzjonalisti.

Spikkaw ukoll il-kummenti tal-qarrejja, fosthom dawk ta’ Ronald Zammit u Maria Bugeja li saħqu li l-appell ta’ Simon Busuttil ma jreġix, għax taħt amministrazzjoni Nazzjonalista “l-Enemalta kienet f’xifer ta’ falliment, u li issa l-PN qed jilgħabha tal-beatu.” Aktar minn hekk, huma qalu li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-Partit Nazzjonalista kien qal li l-pjan tal-Gvern li jraħħas it-tariffi kien ħolma, u pjan ta’ ‘Alice in Wonderland’, u li issa, wara t-traħħis ta’ 25% fil-kontijiet tad-dawl, il-bużżieqa infaqgħet f’wiċċhom.

Gejtu Schembri sostna li b’konsegwenza ta’ dan l-argument, il-Partit Nazzjonalista baqalu ħafna biex jirkupra d-distakk ta’ 36,000 vot. Maria Bugeja u Marie Vella qalu wkoll li taħt il-Partit Nazzjonalista, il-poplu kien imdorri jħabbat wiċċu ma’ kontijiet tad-dawl għoljin u li saħansitra kien hemm persuni li biegħu dehebhom sabiex ikopru mal-ispejjeż.

Madankollu, filwaqt li l-maġġoranza tal-qarrejja kienu voċiferi fl-oppożizzjoni tagħhom kontra l-appell tal-Partit Nazzjonalista, 11% tal-persuni li pparteċipaw fl-istħarriġ kienu iktar diplomatiċi. Fil-fatt huma qalu li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista vera ma raħħasx il-kontijiet tad-dawl tul il-leġiżlaturi tiegħu, dan m’għandux iwaqqaf il-Gvern milli jraħħas il-kontijiet aktar. Minbarra dan, 0.8% tal-qarrejja wieġbu li ma kienx jinteressahom u ma kienx jimpurtahom mill-kontijiet tal-enerġija.

Min-naħa l-oħra, 7% tal-votanti qablu mal-proposta ta’ Simon Busuttil u qalu li din m’affetwatx il-kredibbilità tal-partit għax huwa kien dejjem  konsistenti fuq is-suġġett. Dan sostnitu wkoll Marthese Portelli li mal-ILLUM qalet li r-roħs ta’ 25% fil-kontijiet tad-dawl seħħ meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien it-tripplu ta’ dak li hu llum u li aktar minn hekk, dan seħħ grazzi għall-proġetti ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti. Hija rribattiet ir-rimarki li l-argument tal-PN mhux kredibbli, u minflok sostniet li l-Gvern mhux kredibbli.

“Jekk hemm partit li m’għandux kredibbilità fl-enerġija huwa l-Partit Laburista li wiegħed li jibni power station f’sentejn u m’għamilhiex, u m’għamel xejn biex jorħsu l-kontijiet tad-dawl. Kien l-investiment li għamel il-Partit Nazzjonalista li wassal għar-roħs fil-kontijiet. Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti wkoll li l-Gvern iraħħas, illum qabel għada, il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel li huma fost l-ogħla fl-Ewropa,” Portelli qalet.

Intant, mistoqsija jekk il-Partit Nazzjonalista jasalx jammetti li fil-fatt l-Enemalta hix tirreġistra riżultati iktar pożittivi, x-shadow minister tal-Enerġija qalet li “jekk il-Gvern jemmen li l-Enemalta qabdet it-triq it-tajba, tajjeb li wieħed jitkellem mal-ħaddiema ta’ din il-Korporazzjoni,” sabiex jindirizza l-inċertezza ta’ dawn il-ħaddiema.

 

Medja ta’ prezzijiet taż-żejt taħt Gvern Nazzjonalista tul l-aħħar leġiżlatura

 

 

Xahar

Prezz / $

Marzu – Diċembru 2008

$97.50

2009

$61.74

2010

$79.61

2011

$111.26

2012

$111.63

Jannar – Frar 2013

$114.51

 

 

Prezzijiet taż-żejt taħt Gvern Laburista minn Marzu tal-2013 sal-lum

 

 

Xahar

Prezz / $

Marzu – Diċembru 2013

$107.47

2014

$99.02

Jannar – Awwissu 2015

$56.25

 

More in Politika