L-Ewropa tax-Shengen li bniet il-ħitan tad-diviżjoni

L-ILLUM jitkellem mal-MPEs Maltin dwar il-validità tax-Shengen wara l-bini ta’ diversi ħitan fuq il-fruntieri Ewropej

Il-Ħajt ta’ Berlin jitwaqqa’ snin ilu. Tgħallimna xi ħaġa?
Il-Ħajt ta’ Berlin jitwaqqa’ snin ilu. Tgħallimna xi ħaġa?

“Hekk kif eluf ta’ persuni, f’disprament, qed ifittxu li jaħarbu, ħitan magħmulin minn ‘barbed wire’ u rġiel armati qed jimblukkawhom u jdawruhom lura minn fejn ġew. Ħafna drabi, anke s-suldati jitfgħu l-armi tagħhom mal-art u jaqbżu l-barrieri kiefra, biex jagħżlu l-libertà tal-Punent” 

Mhux kumment ta’ xi ħadd bħalissa dan, iżda stqarrija tal-eks President tal-Istati Uniti Ronald Raegan fit-13 t’Awwissu 1986, 25 sena wara l-bini tal-Ħajt ta’ Berlin.

Dak il-kliem jista’ faċilment ikun applikat illum hekk kif fil-kontinent Ewropew qed naraw mill-ġdid il-bini ta’ ħitan, li anke jekk mhux tal-konkos, jissimbolizzaw mill-ġdid il-qasmiet u l-biżgħat minn dak li jinsab maġenbna jew dak li ftit nafu dwaru. 

Fl-Ungerija nbena ħajt twil 109 mili mal-fruntiera tas-Serbja, filwaqt li ħajt ieħor simili nbena fejn il-fruntiera tal-Bulgarija tmiss ma’ dik tat-Turkija. B’tul totali ta’ 100 mil, l-għan ta’ dan il-ħajt, bħal dak tal-Ungerija, kien li jnaqqas mill-ammonti ta’ immigranti li kienu qed jgħaddu mill-pajjiż fi triqithom lejn l-Awstrija, imbagħad għal ħafna minnhom, lejn il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Iskandinavja. 

Dan jiżdied ma’ iktar kontrolli fuq il-fruntieri tal-Ġermanja u l-Awstrija, kif ukoll is-sospensjoni temporanja tax-Shengen f’partijiet minn dawn il-pajjiżi hekk kif in-numru ta’ immigranti li qed jidħlu, kiber sew. Mijiet ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil spiċċaw jistennew għal ħinijiet twal hekk kif ir-rotta tal-ferrovija mill-Ungerija, li tgħaddi mill-Awstrija u li tieqaf Munich sofriet dewmien qawwi, bil-Pulizija jwettqu kontrolli ħafna iktar stretti tal-fruntieri. 

Dan kollu ma kien ikun ta’ ebda sorpriża kieku mhux għall-fatt li l-pajjiżi msemmijin huma kollha parti miż-żona Shengen, li hija mibnija fuq il-kunċett tal-moviment ħieles tal-persuni, servizzi u oġġetti minn pajjiż membru għall-ieħor. Imma allura kemm qed timpatta s-sospensjoni tax-Shengen f’ċerti żoni fl-UE fuq il-kunċett tal-moviment ħieles? U dan il-kunċett għadu validu, anke jekk hemm min qed jirrestrinġih? Il-ġrajjiet kurrenti se jwasslu għal bidliet fix-Shengen, maqbul bi trattat fl-1985, jew wasal iż-żmien li jkun diskuss aktar fil-profond?  

L-ILLUM talab il-kummenti tal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin  dwar is-sitwazzjoni tal-moviment ħieles fl-UE u jekk dan, preżentement, hux mhedded.

“L-Ewropa li naf jien ma kinitx se tagħlaq il-bibien” - Roberta Metsola 

“Mhu l-ebda sigriet li bħal ħafna, kont diżappuntata bil-Kunsill tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet tal-Intern. Id-dinja kollha kienet qed tħares lejn l-Unjoni Ewropea, imma kien hemm falliment f’dan il-qasam, lanqas l-istandards tal-Unjoni stess ma ntlaħqu. Minflok, smajna l-istess argumenti u l-istess skużi ripetuti minn xi stati li jippretendu li jistgħu jeżoneraw lilhom infushom mir-responsabbiltà sakemm tinbidel is-sitwazzjoni” sostniet Roberta Metsola. 

Hija żiedet tgħid li f’dan kollu, wieħed jeħtieġ jiftakar fin-nies li qed jaħarbu biex ifittxu kenn. “L-Ewropa li naf jien ma kinitx se tagħlaq il-bibien. Dan mhuwiex żmien biex jinbnew il-ħitan u jsiru l-barrikati tul il-fruntieri. Dan huwa żmien biex nuru b’mod konkret il-valuri li fuqha nbniet l-Ewropa.” 

Wisq nibża’ li jekk il-kontrolli jibqgħu hemm ...wieħed mill-prinċipji ċentrali tal-UE, il-moviment liberu, se jaffaċċja l-ikbar sfida fl-istorja

Minkejja dan, Metsola tgħid li ż-żona Shengen “hi waħda ta’ suċċessi” u li l-Ewropa m’għandhiex issir fortizza. Mal-ILLUM hija tfakkar ukoll kif il-moviment ħieles u ż-żona Shengen “mhumiex negozjabbli” għalkemm tirrimarka kif il-liġijiet tax-Shengen jagħtu lok għal sospensjoni temporanja. 

Metsola temmet tgħid li jeħtieġ li jinżamm bilanċ bejn il-bżonn li jibqa’ jkun hemm moviment ħieles ta’ nies, u s-sigurtà tal-pajjiż.

“Il-kontrolli se jfallu” - Marlene Mizzi

Il-MPE Marlene Mizzi ma daritx wisq mal-lewża u kienet ċara fi kliemha li l-kontrolli tal-fruntiera se jfallu kif dejjem fallew.

“Billi jingħalaq l-aċċess għal pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u jitpoġġew ostakli mal-fruntieri, mhux se jwaqqaf il-mewġa tar-refuġjati. In-nies se jkomplu jirriskjaw ħajjithom, jaqsmu l-baħar perikoluz tal-Mediterran, u jimxu għal mijiet ta’ kilometri fi tfittxija ta’ artijiet aktar sikuri. Billi wieħed iwaqqaf l-operat tax-Schengen mhix soluzzjoni, anzi joħloq konsegwenzi kbar li jaffetwaw b’mod negattiv liċ-ċittadini tagħna, lin-negozji tagħna u l-ekonomija tagħna u fl-aħħar u mhux l-inqas jkun qed jeqred dritt ċivili universali tal-Unjoni Ewropea.” 

Mizzi ammettiet mal-ILLUM iżda li “l-kriżi bla preċedent tar-refuġjati li għaddejja bħalissa qiegħda tpoġġi dubji kbar fuq il-ftehim Shengen”. Minkejja dan, hija xorta kellha kliem ta’ tifħir għall-ftehim li fakkret kif “jiggarantixxi u jħares il-prinċipju bażiku ta’ moviment ħieles, li hu dritt fundamentali tal-UE”.  

Mizzi sostniet mal-ILLUM li anke jekk kien hemm min jaħseb li din mhux problema tiegħu sakemm laħqet il-fruntiera tiegħu “fil-mument li l-ewwel refuġjat wasal sal-fruntiera Ewropea, kemm jekk ta’ Malta, tal-Italja jew tal-Greċja, jew ta’ x’imkien iehor, il-problema għalija saret waħda Ewropea u b’hekk tikkonċerna lill-Istati membri kollha.”

Ix-Shengen: kemm verament għadu validu l-kunċett tal-moviment ħieles tal-persuni fl-UE?
Ix-Shengen: kemm verament għadu validu l-kunċett tal-moviment ħieles tal-persuni fl-UE?

“Din mhix l-ewwel darba li l-prinċipju tal-moviment ħieles fir-reġjun Schengen ġie mhedded, u lanqas hi l-ewwel darba li xi pajjiżi ddecidew li jerġgħu jdaħħlu miżuri ta’ kontroll fuq il-fruntieri tagħhom għal perjodu qasir. Wisq nibża’ li jekk il-kontrolli jibqgħu hemm għal perjodu itwal milli suppost, u li jekk l-Istati Membri mhumiex lesti li jsibu soluzzjoni komuni għall-kriżi tar-refuġjati, wieħed mill-prinċipji ċentrali tal-UE, jiġifieri l-moviment liberu se jaffaċċja l-ikbar sfida fl-istorja u jreġġa’ lura għexieren ta’ snin ta’ integrazzjoi Ewropea.”

“Il-problema hija x’se jiġri meta jidħlu fiż-żona” - Alfred Sant

“Il-problema fl-implimentazzjoni tax-Shengen illum m’għandhiex x’taqsam mad-dħul minn pajjiż għall-ieħor taż-żona, ta’ nies li huma diġà intitolati li jgħixu f’pajjiż membru tagħha. Tirrigwarda x’se jiġri min-nies li jidħlu fiha bħala refuġjati,  jew immigranti rregolari”, hekk sostna l-MPE Alfred Sant. 

Huwa spjega kif il-preżenza ta’ dawn l-immigranti jfisser li “fuqhom ukoll mhu se jsir l-ebda kontroll meta jiċċaqilqu minn post għal post taż-żona. U jekk se jsir kontroll, kif se jsir?”

Dan mhuwiex żmien biex jinbnew il-ħitan u jsiru l-barrikati...dan huwa żmien biex nuru b’mod konkret il-valuri li fuqha nbniet l-Ewropa

Sant spjega kif is-sospensjoni tax-Shengen fil-Ġermanja u l-Awstrija wriet kif “l-istrutturi attwali li bihom jintlaqgħu n-nies li ġejjin minn barra l-UE saru fraġli għall-aħħar” għalkemm żied jgħid li hemm wisq kapital politiku marbut mal-ħolqien taż-żona u li “se jsiru sforzi kbar biex anke jekk jiddaħħlu bidliet fil-mod kif titmexxa ż-żona, il-prinċipju tax-Shengen jibqa’ dejjem hemm.”

“Il-moviment liberu għandu jibqa’” - Miriam Dalli

“Onestament, ma naħsibx li l-għeluq ta’ fruntieri bejn pajjiż u ieħor tal-Unjoni Ewropea hija s-soluzzjoni. Hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ferm aktar b’saħħithom u fit-tul. Jiena nemmen li d-dritt tal-libertà tal-moviment liberu għaċ-ċittadini Ewropej għandu jibqa.” Hekk sostniet mal-ILLUM l-MPE Laburista Miriam Dalli li kienet ċara wkoll dwar dawk il-pajjiżi li temporanjament issospendew ix-Shengen. “Jekk hemm min qed jirristrinġi d-dħul ta’ persuni f’pajjiżu allura mhuwiex jimxi mal-ftehim ta’ Schengen” sostniet Dalli għalkemm ammettiet li l-miżuri setgħu saru bħala reazzjoni immedjata għall-kriżi li numru ta’ pajjiżi Ewropej qed jaffaċċjaw bħalissa.

Dwar il-futur taż-żona Shengen Dalli qalet li xejn mhu ċert bħalissa,  “ir-reazzjoni li se jkollha għal din il-kriżi l-UE se tkun waħda importanti ħafna anke fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej minn pajjiż għall-ieħor tal-UE.

More in Politika