F'kummenti mas-sit illum.com.mt l-MPE Malti David Casa sostna li hu flimkien mal-kollegi tiegħu fil-Partit Popolari Ewropew qed jaħdmu biex is-sospensjoni tax-Shengen f'ċerti fruntieri tal-UE titneħħa. Huwa ddeskriva din is-sospensjoni bħala xi ħaġa ħażina u li qed timpatta ħażin fuq ħajjet in-nies. Iktar minn hekk Casa saħaq illi Malta jaqblilha li l-Ewropa jkollha l-bibien tagħha miftuħin beraħ kemm għal-kummerċ kif ukoll biex il-Maltin ikunu jistgħu isiefru mingħajr xkiel.
Hawn taħt qed nippublikaw il-mistoqsijiet mibgħutin minn l-ILLUM u t-tweġibiet tal-MPE David Casa
Kemm qed timpatta s-sospensjoni tax-Shengen f’ċerti żoni fl-UE fuq il-kunċett kollu tal-moviment ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea?
Is-sospensjoni temproanja ta' Schengen ma teżistix fil-kontinent Ewropew kollu u hija waħda temporanea. Jien qiegħed naħdem mal-kollegi tieghi biex is-sospenjoni titneħħa malajr kemm jista' jkun. Din is-sospensjoni temporanea ma' tapplikax għal Malta għax il-fruntieri ta' Malta għadhom miftuħin beraħ għall-Unjoni Ewropea. Pero fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fl-Islovejna qed jirristrinġu d-dħul u dan iffisser li ikun hemm fillieri sħaħ ta' tlett siegħat ta' karozzi jistennew biex jidħlu f'dawn iż-żewġ pajjiżi. Dan għandu impatt ħażin ħafna fuq il-ħajja tan-nies li jgħixu f'dawk l-inħawi kif ukoll fuq il-kummerċ ta' dak ir-reġjun.
Għadu validu l-istess kunċett fid-dawl tal-fatt li qed ikollok pajjiżi li qed jirrestrinġu d-dħul ta’ persuni f’pajjiżhom?
Għadu validu ħafna u importanti li Malta tkompli tappoġġja l-ftehim Schengen għax Malta jaqblilha ħafna li jkollna fruntieri miftuħa beraħ mal-kontinent Ewropew, kemm għall-kummerċ tagħna mal-Ewropa kif ukoll biex il-Maltin ikunu jistgħu isiefru lejn l-Ewropa mingħajr xkiel żejjed.
Il-ġrajjiet kurrenti se jwasslu għal bidliet fix-Schengen jew tħoss li l-miżuri ta’ aktar kontroll huma temporanji?
Il-problema hija li l-Unjoni Ewropea għad m'għandiex politika kommuni dwar l-immigrazzjoni. Fil-Kunsill Ewropew din il-gimgha qablu fuq id-distribuzzjoni ta’ numru ta’ refuġjati iżda għadna ma rajna ebda azzjoni biex il-ħames t’elef ruħ li qed jaslu f’Lesbos, kulljum jieqfu. Ilna ħafna nisħqu li din hija problema Ewropea u mhux biss ta' pajjiż Mediterran wieħed. Nispera li ma jkunx hemm il-ħtiega li tinbidel is-sistema Schengen iżda jekk is-sitwazzjoni tkompli tiddeġenera f'dan il-mod naħseb li s-sistema ser tiġi mgħedda sew.