116-il Pulizija ġdid isir membru fil-Korp ...€800,000 f'taħriġ
More in Politika
Illum dħaltu f’korp li għandu ħafna responsabilitjiet, igawdi minn drittijiet ġodda u li qed jahdem biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan kien il-messaġġ li laqa' lil 116-il rekluta li wara 14-il ġimgħa ta' taħriġ dalgħodu bdew il-karriera tagħhom bħala kuntistabbli fil-Pulizija.
Waqt din iċ-ċerimonja magħrufa bħala l-passing out parade, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta' Nazzjonali Carmelo Abela, tenna l-investiment fir-riżors uman tal-korpi ta' pajjiżna. Huwa saħaq kif xogħol dixxiplinat għandu jkun meqjus bħala karriera u li b'dan il-għan il-ħidma tippersisti biex aktar membri jingħataw opportunitajiet ta' taħriġ.
Ħarsa lejn il-Pulizija, l-Armata u l-Protezzjoni Ċivili tindika li fl-aħħar sentejn u nofs aktar minn 500 membru attenda taħriġ speċjalizzat barra minn xtutna għal investiment ta’ madwar €800,000. Minn dawn, madwar 260 kienu Pulizija li ngħataw taħriġ f’oqsma bħal Forensika, reati ekonomiċi, ciber-kriminalità u t-traffikar tal-persuni.
Il-Ministru Abela sostna li fl-istess waqt il-proċess għaddej b’ritmu mgħaġġel biex l-Akkademja ta' Kandja tkun akkreditata mill-Università ta’ Malta u l-MCAST. It-triq ’il quddiem se tkun imfassla fuq viżjoni li tara l-korpi dixxiplinati jaħdmu f’aktar sinerġija ma’ xulxin li tirrifletti r-realtà fuq il-postijiet tal-inċidenti.
Huwa wera l-impenn tiegħu favur ħidma li tkompli ssaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Wara li ngħataw id-dritt tar-rappreżentenza bħalissa, għaddej il-proċess tal-evalwazzjoni tal-possibilità li tkun introdotta polza ta’ assigurazzjoni lill-membri tal-korpi.
Il-Ministru ghall-Intern qal li b’ħidma magħquda mal-Kummissarju s-Sur Michael Cassar fiż-żmien li gej il-Pulizija se tibqa tagħti l-appoġġ possibli lil kull membru li lest li jaħdem għal ġid tal-korp. "Ilbsu l-uniformi bi kburija u b’umiltà. Ir-responsabbilitajiet tagħkom ma jispiċċawx mat-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol. F’kull mument tal-ġurnata minn issa ’l quddiem intom Pulizija", appella l-Ministru Abela.
F’diskors tal-okkażżjoni, l-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar iddeskriva din il-ġurnata bħala waħda speċjali għall-kuntistabbli ġoddi, l-qraba tagħhom, kif ukoll għall-korp tal-pulizija. Hu madankollu wissa li dan ma jfissirx li t-taħriġ kien se jispiċċa hawn, anzi, kompla jispjega, dan kien biss il-bidu. Il-kummissarju saħaq ukoll fuq l-importanza tar-rank ta’ kuntistabbli u ddeskrivihom bħala l-ambaxxaturi tal-korp “għaliex kienu propju huma li jirrispondu l-ewwel għal kwalunkwe każ”. Saħaq ukoll fuq l-importanza li jitjieb is-servizz li jingħata liċ-ċittaddin, u dan irrispettivament minn nazzjonalità.
Waqt din iċ-ċerimonja l-kuntistabbli Neil Saliba gie mogħti l-premju tal-aħjar rekluta. Fl-ewwel post akkademikament ikklassikat l-kuntistabbli Pauline Bonello u fit-tieni post l-kuntistabbli Shanice Schembri.