FELTOM laqgħet is-Simpożju ta’ QALEN f’Malta matul Settembru

“L-industrija tat-Tagħlim ta’ l-Ingliż kunsidrata eżemplari fil-qasam ta’ l-edukazzjoni internazzjonali” – Genevieve Abela, CEO ta’ FELTOM

“Bħala l-organiżżazzjoni li tirrappreżenta 85% ta’ l-istituzzjonijiet li jgħallmu l-Ingliż f’Malta, FELTOM dejjem se tibqa’ impenjata sabiex tiżgura l-ogħla livelli ta’ kwalità – l-istess impenn li wassal biex l-industrija tagħna baqgħet tikber għal dawn l-aħħar 25 sena. Huwa għalhekk li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-akkreditazzjoni, FELTOM tħaddem proċeduri riġidi għaliex nemmnu li jekk irridu nkunu fost l-aqwa fis-settur, irridu nkunu kapaċi nattiraw l-aqwa. U dan iseħħ biss meta jintlaħqu l-ogħla livelli.”

Dan qalu Julian Cassar Torreggiani, Chairman tal-Bord ta’ FELTOM waqt il-ftuħ ta’ diskussjoni bħala parti mit-3 Simpożju ta’ QALEN imtella’ f’Malta minn FELTOM, bħala membru ta’ QALEN.

QALEN (Quality Assurance in Language Education Network) huwa network ta’ organiżżazzjonijiet li jikkoperaw u jħarsu l-livelli ta’ kwalità sabiex tkompli tkun żviluppata l-industrija tat-tagħlim ta’ l-Ingliż.

Is-simpożju, li sar bejn id-9 u t-12 ta’ Settembru b’kollaborazzjoni mal-Malta ELT Council ra s-sehem ta’ delegati minn għadd ta’ organiżżazzjonijiet ta’ akkreditazzjoni u assigurazzjoni tal-kwalità minn Malta, l-Awstralja, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada u New Zealand.

“QALEN tħares il-kwalità u tiżgura l-ogħla livelli u huwa għalhekk li FELTOM hija kburija li laqgħet dan l-avveniment f’Malta. FELTOM u l-20 skola membru tagħha jaqsmu l-istess impenn ta’ QALEN u dawn il-laqgħat ħolqu ambjent ideali fejn stajna niddiskutu u naqsmu l-esperjenzi ta’ xulxin dwar it-tisħiħ ta’ din l-industrija,” żied qal Julian Cassar Torreggiani.

Is-simpożju ta’ QALEN f’Malta iffoka fuq għadd ta’ laqgħat u diskussjonijiet bejn il-membri kollha li attendew. Fosthom kien hemm dawk li jaħdmu fl-industrija, dawk li jfasslu l-politika u esperti mill-qasam ta’ l-edukazzjoni li ddiskutew suġġetti ewlenin marbuta mat-tagħlim ta’ l-Ingliż minn madwar id-dinja.

Minbarra għadd ta’ laqgħat, id-delegati kellhom ukoll l-opportunità li jesperjenzaw lil Malta bħala destinazzjoni Mediterranja bi programm ta’ attivitajiet li kien jinkludi żjarat kulturali fosthom dawra mal-portijiet ma’ Captain Morgan, żjara lil Malta 5D Experience u żjarat kulinarji. Saru wkoll diversi preżentazzjonijiet u diskussjonijiet interessanti fosthom attività ta’ ġurnata fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.

F’kumment dwar dan is-simpożju f’Malta, Mark Raven, CEO ta’ NEAS Australia u Membru Fundatur ta’ QALEN qal “Il-Malta 2015 Symposium laħaq l-għanijiet li kellu u serva ta’ opportunità sabiex naqsmu l-esperjenzi ta’ xulxin, esperjenzi li huma differenti għaliex mifruxa fost ġurisdizzjonijiet differenti. Għaldaqstant, dan il-qsim ta’ esperjenza għen lil kull min ħa sehem japprezza aħjar l-impenn li qed jagħmel kulħadd sabiex insaħħu l-livell ta’ kwalità u akkreditazzjoni.”

Genevieve Abela, CEO ta’ FELTOM spjegat kif l-organiżżazzjoni ta’ dan l-avveniment serviet sabiex l-iskejjel membri ta’ FELTOM, l-ELT Council u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni jagħrfu l-impenn u l-ħidma kontinwa li qed twettaq FELTOM sabiex ikun żgurat li mhux biss il-membri joffru l-aqwa kwalità iżda wkoll li l-industrija hija rispettata minn kulħadd.

“Waħda mill-iżjed affarijiet importanti li ħarġu minn dan is-simpożju kienet li stajna naqsmu l-aħjar esperjenzi tagħna u nisimgħu kif ġajjiżi oħra qed iħarsu lejn din l-industtrija u kif qed ikomplu jtejjbuha. Għaldaqstant, is-simpożju kien ukoll konferma li FELTOM qed twettaq il-ħidma tagħha kif suppost, u skond standards internazzjonali stabbiliti minn swieq tat-tagħlim ta’ l-Ingliż tradizzjonalment iżjed stabbiliti.”

“Illum, FELTOM hija istituzzjoni rispettata ħafna għaliex mhux biss nirrappreżentaw lill-iskejjel membri tagħna iżda ngħinu lill-istudenti tagħhom f’dak kollu li jkollhom bżonn ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ divertiment, ivvjaġġar u akkomodazzjoni. Naħdmu mill-qrib ħafna ma’ l-awtoritajiet dwar l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-intern, viża u permessi ta’ reżidenza. Id-daqs żgħir tagħna huwa vantaġġ għaliex jgħinna nikkollaboraw ma’ kull min jista’ jkun involut f’din l-industrija u dan nagħmluh biex niżguraw l-aħjar kwalità u l-isbaħ esperjenza għal kull student li jżurna.”

“Fil-fatt, inħossuna kburin ngħidu li l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni qed juża l-industrija tagħna bħala eżempju ta’ l-aħjar prattika fil-qasam ta’ l-edukazzjoni internazzjonali,” temmet tgħid Genevieve Abela.

More in Politika