Dawk il-persuni li għandhom dħul baxx huma l-aktar li jbatu mill-obeżità u minn mard ikkawżat mill-ħxuna, l-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal.
Dan qalu waqt diskussjoni dwar l-obeżità fl-Ewropa organizzata mill-Assoċjazzoni Ewropea. Fl-intervent tiegħu, Sant qal li l-obeżità tista’ tkun indirizzata permezz ta’ miżuri li jolqtu li qegħdin f’saff soċjo-ekonomiku baxx.
“Ħafna drabi huma raġunijiet ekonomiċi li jwasslu biex in-nies jagħżlu ikel li ma jiswiex flus matul il-ġurnata,” huwa qal.
Ċifri riċenti ppubblikati mill-World Health Organisation (WHO) żvela li l-Maltin huma l-iktar persuni li jbatu minn obeżità fl-Unjoni Ewropeja, u kif 59% tal-popolazzjoni Ewropeja tbati minn problemi relatati ma’ obeżità u piż żejjed.
Fl-intervent tiegħu, l-Membru Parlamentari Ewropew staqsa lill-Kummissjoni Ewropeja tipprovdi lista li turi riżultati tanġibbli tal-kisbiet s’issa dwar ir-relazzjoni bejn l-obeżità u n-nies li ġejjin minn problemi soċjo-ekonomiċi. Dr Sant staqsa lill-Kummissjoni biex turi x’qafas se jkun hemm għall-ġejjieni biex tindirizza din il-kawża partikolari ta’ obeżita` fl-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea mistennija twieġeb mistoqsijiet ta’ Dr Sant dwar il-pjanijiet li se twettaq fil-futur biex tindirizza l-aspett soċjali tal-obeżità wara l-publikazzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar Strateġija Ewropea għad-dieta, il-piż żejjed u kwistjonijiet oħra relatati mal-obeżità.