‘Kulħadd ibill subgħajh u jdawwar wiċċu fl-Addolarata’

Xibka ta’ abbuż sħiħ fl-Addolarata

“Min kien imexxi, sa ftit żmien ilu kien jaf b’dak kollu li kien għaddej. L-affarijiet li kienu qed iseħħu kienu ovvji għal kulħadd, kien hemm xibka ta’ abbuż sfaċċat fejn kulħadd ibill subgħajh u jdawwar wiċċu.” Hekk sostniet ix-shadow minister għas-saħħa Claudette Buttigieg, li f’kummenti mal-ILLUM esprimiet ix-xokk tagħha għall-abbuż sħiħ li għaddej a skapitu tal-mejtin u qrabathom.

Minkejja li sorsi qrib l-investigazzjoni qalu mal-ILLUM li dan l-abbuż ilu jseħħ għal bosta snin u taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti wkoll, Buttigieg – li tul l-aħħar leġiżlatura kienet il-kelliema ewlenija tal-eks ministru tas-saħħa Nazzjonalista Joe Cassar – sostniet li “żgur mhux forsi, ma kinux jafu bih.”

“Dan l-abbuż ma bediex mill-bieraħ, imma issa sirt naf bih, u għaldaqstant mhux aċċettabbli li ndawwar wiċċi. Kieku dan il-każ sema’ bih [l-eks ministru tas-saħħa] Joe Cassar kont niġi infurmata. Tul l-aħħar leġiżlatura rċevejna bosta lmenti oħrajn, imma qatt ma kienu daqshekk makabri,” Buttigieg qalet.

Ma’ din il-gazzetta, il-kelliema tal-Oppożizzjoni sostniet li l-amministrazzjoni preċedenti kienet irċeviet ilmenti dwar deffiena li ma kinux libsin addadatt u każijiet oħra fejn it-tebut ġie mwaqqa’, iżda madankollu, “mhux affarijiet makabri daqshekk.”

 

Ftit jiem wara li x-shadow minister tas-saħħa ddeskriviet l-andament fiċ-ċimiterju tal-Addolorata bħala “stat ta’ anarkija,” Buttigieg qalet li minkejja li kien żvelat li kienu qed jiġu mibnija u mibjugħa oqbra b’mod illegali minn uffiċjal tas-sanità fiċ-ċimiterju, ma ttieħdux passi kontrih u li għaldaqstant, dan kien qed iseħħ bil-barka tad-direttur taċ–ċimiterju.

Aktar minn hekk, ma’ din il-gazzetta, il-kelliema tal-Oppożizzjoni qalet li l-irregolaritajiet xehdu stampa ċara tax-xibka ta’ abbuż sħiħ li kien għaddej fiċ-ċimiterju tal-Addolarata, fil-Marsa.

“Min kien imexxi, kien jaf b’dak kollu li kien għaddej. Biex persuna tisraq qabar ta’ xi ħadd, tkissru, taqsmu fi tnejn u imbagħad tbigħhu, żgur li dan l-abbuż ma kienx qed iseħħ minn persuna waħdu. Dawn l-affarijiet kienu ovvji, u r-realtà hi li kulħadd kien qed ibill subgħajh u jdawwar wiċċu,” qalet Buttigieg.

Fil-fatt hija spjegat kif fl-isfond tal-kummenti tagħha, il-ministru tas-saħħa Konrad Mizzi ħabbar inkjesta u li sussegwentament ġew issospenduti żewġ ħaddiema ftaċ-ċimiterju.

Fost il-każijiet li semmiet, Buttigieg spjegat kif ċertu mejtin indifnu fuq l-għadam li kien hemm għax il-qabar ma kienx tnaddaf, u li kien hemm każijiet fejn ħaddiema fl-Addolorata bnew u biegħu oqbra b’mod illegali. Irriżulta wkoll li ġew misruqa xi oqbra u li saħansitra nħolqot sistema illegali ta’ tindif ta’ oqbra għall-prezz eżorbitanti ta’ €185.

Sostniet ukoll li każijiet minnhom ħallewha “b’għajnejha wara widnejha,” u li ċ-ċimiterju tal-Addolorata jinsab f’telqa enormi.

“Mhux faċli li n-nies jitkellmu fuq dan l-abbuż għax hija xi ħaga emozzjonanti u aktar minn hekk jibżgħu li jekk jikxfu l-irregolaritajiet, l-oqbra tagħhom jispiċċaw jiġu ivvandalizzati,” Buttigieg qalet.

Mal-ILLUM, hija sostniet li l-informazzjoni kollha ġiet mgħoddija lill-pulizija, u li sussegwentament, il-pulizija mill-iskwadra tal-investigazzjonijiet kriminali qed jinvestigaw il-każ. Intant, mistoqsija jekk hijiex favur Public Private Partnership għall-manutenzjoni taċ-ċimiterji f’Malta, il-kelliema tal-Oppożizzjoni qalet li taqbel mal-proposta sakemm ikun hemm sistema ta’ awditjar mill-awtoritajiet pubbliċi kontra l-abbuż.

 

 

 

 

 

More in Politika