Is-Saltna tal-Liġi

L-artiklu ta' Toni Abela tal-Ħadd li għadda dwar l-Imħallef Lawrence Mintoff

L-Imħallef Lawrence Mintoff
L-Imħallef Lawrence Mintoff

Li ssaltan il-liġi mhix xi ħaġa faċli. Iżda li l-liġi ssaltan, huwa prinċipju fundamentali mhux biss f’demokrazija iżda biex issir ġustizzja li ma tħarisx lejn l-uċuh. Il-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u kontra l-impressjoni popolari tan-nies, il-politiċi huma l-aktar li għandhom ktajjen legali ma’ saqajhom, u allaħares ma kienx hekk.

Din il-ġimgħa, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff pronunzjat prinċipju importanti: li min jiggverna huwa taħt il-liġi daqs l-inqas wieħed fis-soċjetà. Din kienet sentenza li tirrigwarda l-poteri li għandu l-Ombudsman biex jinvestiga każijiet ta’ inġustizzja fl-Armata. Kienet inħolqot speċi ta’ ‘tug of war’ legali bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Ombudsman, jekk dan tal-aħħar għandux id-dritt jinvestiga inġustizzji fl-Armata.

Is-sentenza kienet fis-sens li iva għandu. Anke jekk l-Att dwar l-Armata jirriżerva din l-investigazzjoni għall-ogħla awtoritajiet fi ħdanha. L-importanza ta’ dawn ix-xorta ta’ sentenzi mhix wisq f’dak li jgħidu, iżda fil-fatt li jgħiduh. Dawn ix-xorta ta’ sentenzi iserrħu ras kulħadd, anke ta’ dawk li forsi ma jaqblux mas-sentenza, li l-Qrati tagħna mhux qegħdin hemm biex jintogħġbu ma’ min qiegħed fil-poter, iżda biex jipproteġu dak li huwa sewwa u li jassiguraw li l-ġustizzja tal-bniedem tassew issir.

Kultant, min jiggverna ikun wisq ħerqan biex forsi jsewwi xi inġustizzji li jkunu saru, iżda l-ħerqa u l-għaġġla ġieli twassalna biex nagħmlu żbalji li jkunu frott il-ħeġġa biex insewwu dak li hu ħażin. Iżda anke f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-prinċipju tas-saltna tal-liġi għandu jkun osservat. Jekk le, hemm il-possibbilità li ddum biex issir ġustizzja, għaliex bħalma ġara f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tista’ titwal aktar minn kemm suppost, għalkemm irridu ngħidu li f’dan il-każ saret ġustizzja b’ħeffa għalkemm mhux bl-għaġġla. L-għaġġla hija l-qattiela tal-motivi li jista’ jkollhom mis-sewwa.

Iżda din is-sentenza kienet ukoll il-magħmudija tan-nar ta’ dan l-Imħallef. Imħallef, li llum kulħadd jgħidlek kemm huwa rett u kemm jamministra l-ġustizzja tajjeb fl-awla tiegħu. Jgħiduha anke dawk li kellhom id-dubji tagħhom meta nħatar u li kienu xettiċi jekk l-għażla kinitx tajba. Din is-sentenza wriet ukoll biċ-ċar, li meta l-persuna maħtura bħala Imħallef ikollha mis-sewwa fiha nnifisha, ġejja minn fejn ġejja u kienet x’kienet, f’dak li tagħmel, is-sewwa se joħroġ dejjem.

Ħasra li nies bħal Pawlu Borg Olivier tkellmu kmieni meta qalu li ma kinux se jidhru quddiemu. Ħafna llum jistaqsu ta’ min hu l-unur”

Uħud sabuha komda ħafna biex isawtu l-Gvern b’din is-sentenza. Iċċitawha u ġabu lil min jiċċitha, iżda ħaġa waħda ma semmewx: min kien l-Imħallef li taha. Jiena fhimt għaliex. Stħaw isemmuh, għax l-ipokrezija riedet, li dawk l-istess nies li faħħru lill-Qorti, mingħajr ma semmew lill-Imħallef, kienu li l-aktar opponewh jekk mhux ukoll pruvaw jirridikulawh. Ħasra li nies bħal Pawlu Borg Olivier tkellmu kmieni meta qalu li ma kinux se jidhru quddiemu. Ħafna llum jistaqsu ta’ min hu l-unur: ta’ dawk li ma jridux jidhru quddiemu jew tal-Unur tiegħu l-Imħallef Lawrence Mintoff?

“Kien hemm żmien meta ċertu ġudikanti kienu jkunu persegwitati b’mod sottili għal dak li ddeċidew: waħda minn dawk hija l-Magistrat Consuelo Scerri Herrera”

F’mumenti bħal dawn nintebħu kemm huma importanti li garanziji li tati l-Kostituzzjoni lill-Imħallfin li ħadd ma jista’ jneħħihom mill-kariga tagħhom ħlief għal żewġ ċirkostanzi eċċezzjonalissimi. Li Imħallef jiddeċiedi mingħajr indħil u mingħajr biża’ ta’ ritorsjoni jew tpattija eżekuttiva, huma wkoll garanziji tas-saltna tal-liġi. Għalkemm irrid ngħid, li kien hemm żmien meta ċertu ġudikanti kienu jkunu persegwitati b’mod sottili għal dak li ddeċidew: waħda minn dawk hija l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li anke meta tkun ivvilifikata fuq siti elettroniċi, qisu ma ġara xejn. Anke din hija xorta ta’ persekuzzjoni, meta l-Awtoritajiet jibqgħu siekta jekk ukoll ma jissiħbux ma’ min ikun qiegħed jivvilifikaha.

Jiena dejjem ħarist lejn dawk ix-xorta ta’ ħatriet ġudikanti jew kważi ġudikanti li jkollhom termini qosra li jgħaddu malajr. Dawn ix-xorta ta’ ħatriet jiżirgħu f’moħħ min għandu jiġġudika t-tentazzjoni li jiddeċiedi billi jidher sabiħ ma’ min jaħtru biex forsi jerġa’ jinħatar. M’għandi lil ħadd f’moħħi u ma nafx li dawn l-affarijiet ġraw. Iżda b’ħatriet li ma jkollhomx il-garanziji tal-Kostituzzjoni, il-probabbiltà li jiġru huma ħafna.

Wieħed mit-Tribunali li dejjem ħarist lejh b’ċertu suspett huwa t-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar. Għaġla kemm trid, iżda mhux ħeffa ġudizzjarja. Qatt ma fhimt kif persuna tista’ tkun f’ħin minnhom ġudikant u f’ħin ieħor avukat u b’termini qosra ta’ żmien. Kontra kull impressjoni li dawn huma Tribunali ta’ merti żgħar, ix-xorta ta’ prinċipji legali li jiddeċiedu, huma importanti daqs ta’ Qorti normali, għax anke dawn joħolqu preċedenti.

Qegħdin jingħataw sentenzi li huma kollha mibnija fuq il-prinċipju tal-ekwità, li huwa kunċett elastiku u li jiskarta prinċipju importanti ħafna: is-saltna tal-liġi, għaliex minflok jingħataw deċiżjonijiet skont regoli ċari tal-liġi, jingħataw fuq kif iħossha min jiddeċiedi. Agħar minn hekk, issa ddaħħal il-prinċipju li dawk li jippressjedu t-Tribunali żgħar jitħallsu mhux onorarja, iżda skont kemm jaqtgħu sentenzi. Għalija prinċipju li jimmina l-amministrazzjoni tal-ġustizzja anke jekk il-materja tkun żgħira, għalkemm għal min ikun għamel il-kawża, jista’ jkun kbir.

Biex issaltan il-liġi, irridu nkunu fis-saltna tagħha. Ara tifhmuhiex!     

More in Politika